Thursday, October 10, 2024

FUTUR SABIĦ GĦAL PAJJIŻNA

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Għandna għax tassew inħarsu ‘l quddiem lejn ir-rebbiegħa li tibda f’inqas minn xahar ieħor għax din tista’ tfisser għal pajjiżna, żmien sabiħ ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar jekk kemm-il darba l-elettorat Malti u Għawdxi jerġa jislifna l-fiduċja tiegħu għal perjodu ta’ ħames snin oħra.

It-tħabbira tal-elezzjoni ġenerali tas-26 ta’ Marzu ġabet magħha reazzjoni pożittiva ħafna mill-poplu inġenerali li jinsab mimli ħeġġa biex mhux biss jara l-ħajja terġa’ lura għan-normal wara l-agħar pandemija li laqtet lid-dinja f’aktar minn mitt sena, imma li ngħaddu wkoll minn perjodu qasir ta’ inċertezza li kull elezzjoni ġġib magħha. Ilkoll ninsabu ħerqana li wara li tgħaddi l-elezzjoni, nerġgħu ilkoll nibdew ingawdu dak li r-Rebbiegħa u s-Sajf Maltin jagħtuna fiż-żminijiet normali, jiġifieri l-attivitajiet fil-beraħ, il-ħruġ fir-ristoranti mal-familji u l-ħbieb tagħna, l-attivitajiet kulturali u fuq kollox il-festi tant għal qalbna li soltu konna ngawdu f’dawn l-istaġuni sbieħ.

Il-garanzija li jkollna biss dan il-futur sabiħ jista’ jagħtiha biss il-Partit Laburista u t-tmexxija ta’ Robert Abela. Issa li qed nagħlqu 9 snin fil-Gvern, il-Maltin u l-Għawdxin jafu fejn qegħdin mal-Partit Laburista. Dak li wegħdna f’żewġ elezzjonijiet ġenerali, dawk tal-2013 u tal-2017, wettaqnih kważi fit-totalita tiegħu u anke saħansitra wettaqna aktar. Pajjiżna llum huwa ferm aħjar minn kif kien disa’ snin ilu. 

Dak li wegħdna fl-imgħoddi wettaqnih

It-titjib fl-infrastruttura tal-pajjiż huwa evidenti għal kulħadd, toroq arterjali ġodda, il-mijiet ta’ toroq residenzjali li nbndew f’kull belt u raħal tal-pajjiż, it-titjib fil-benefiċċji soċjali lil kull settur tas-soċjeta fosthom b’titjib sostanzjali fil-pensjonijiet, benefiċċji għall-persuni b’diżabilita. Iffaċjajna b’suċċess il-pandemija b’sistema tas-saħħa mill-aqwa u bi programm ta’ tilqim li kien l-għira tad-dinja u li bih salvajna l-ħajjiet ta’ mijiet ta’ nies. Ġibna lejn pajjiżna l-allokazzjoni rekord ta’ €2.27 biljun mill-Unjoni Ewropea u komplejna ninvestu fin-nies il-miljuni ta’ Ewro li kienu ġew allokati għal pajjiżna mill-programmi ta’ qabel.

Fuq kollox, pajjiżna mexa l-quddiem għax wettaqna wegħda oħra importanti, dik li nbidlu u ndaħħlu r-riformi kollha li kellu bżonn il-pajjiż biex inkunu nistgħu nqisu lil pajjiżna bħala pajjiż tassew modern li jixraq għar-realtajiet tal-lum. Daħħalna riformi bla preċedenti f’dak li għandu x’jaqsam ma’ drittijiet ċivili, riformi kbar oħra fil-qasam tas-saltna tad-dritt, fil-ħatriet tal-ġudikatura, tal-President tar-Repubblika u ta’ istituzzjonijiet oħra tal-istat. Tassew li pajjiżna ma jintagħrafx minn kif kien disa’ snin ilu.

Huwa għalhekk li l-poplu tagħna għandu jkompli jagħti l-fiduċja tiegħu lill-Partit Laburista u fuq kollox lil Robert Abela li fis-sentejn li ilu jmexxi l-Partit u l-pajjiż wera xi jsarraf meta ffaċċja sfida wara l-oħra, kemm ta’ natura politika kif ukoll dawk tas-saħħa u l-ekonomija tal-pajjiż bid-daqqa kbira tal-pandemija.

Proposti serji u studjati

Għalhekk qed inħarsu b’entużjażmu lejn din ir-Rebbiegħa li ġejja. Meta fl-ewwel jiem biss tal-kampanja elettorali bdejna nsegwu l-proposti li qed ipoġġi quddiem l-elettorat Malti il-Partit Laburista, qegħdin naraw kemm dawn huma proposti serji li jistgħu jiġu mwettqa għax huma proposti studjati u “costed” u li fuq kollox il-pajjiż jiflaħ għalihom.

Kif tħabbar, prijorita ewlenija se tingħata lill-ambjent biex nagħmlu lil Malta aktar sabiħa u jkollna ambjent aħjar. Bħalma qed nagħmlu bil-proġetti tat-toroq b’investiment ta’ €100 miljun fis-sena fit-toroq tagħna, issa se ninvestu €700 miljun biex noħolqu spazji ħodor ġodda fil-qalba tal-ibliet u l-irħula tagħna. Se nibnu parks, ġonna u nintroduċu l-kunċett ta’ “urban green reclamation” fosthom bil-ħolqien ta’ tunnels għat-traffiku bi spazji ħodor fuqhom, proġetti ta’ urban greening u parkeġġi taħt l-art.

Aktar flus fil-bwiet tan-nies

Imbagħad irridu naraw li l-familji tagħna jkollhom aktar dħul fil-bwiet tagħhom. Ħabbarna t-twessiegħ tat-tax bands għal kull kategorija ta’ familji filwaqt li qed nerġgħu nwegħdu li nkomplu nżidu l-pensjonijiet b’mill-inqas €15 fil-ġimgħa fuq medda ta’ leġislatura. Ser inkomplu ngħinu lill-first time buyers billi nħallsulhom €1000 fis-sena mis-self li jkunu ħadu fuq ix-xiri ta’ l-ewwel dar, għal għaxar snin sħaħ. Nemmnu wkoll li biex il-ħaddiema tagħna jieħdu l-aqwa u l-aħjar, anke s-sidien li jimpjegawhom iridu jibbenefikaw mit-traħħis fit-taxxi. Għaldaqstant għall-ewwel darba ser innaqqsu l-Corporate Tax minn 35% għal 25%.

Dawn kienu biss l-ewwel ftit proposti li ressaqna f’din il-kampanja elettorali. Fil-ġranet u l-ftit ġimgħat li fadal sal-elezzjoni, l-elettorat Malti u Għawdxi se jkollu quddiemu programm sħiħ ta’ proposti u riformi li b’fiduċja kbira nemmen li se jikseb l-approvazzjoni tal-maġġoranza fil-pajjiż biex inkomplu nagħtu l-aqwa u l-aħjar lill-familji Maltin u Għawdxin. Malta Flimkien hija t-tema li tgħaqqadna biex nagħtu dan il-futur sabiħ lil pajjiżna.

Stefan Zrinzo Azzopardi – Segretarju Parlamentari u Kandidat Laburista fuq il-5 Distrett

Sport