Tuesday, April 23, 2024

FUTUR SABIĦ GĦALL-KARNIVAL TA’ MALTA

Aqra wkoll

L-aħbar li ħarġet fl-aħħar jiem, li ġew investiti €1.2 miljun fi tractors u trailers biex jintużaw mill-karristi fil-Karnival ta’ Malta, hija deċiżament pass fid-direzzjoni t-tajba. Dan għaliex juri biċ-ċar kif il-Gvern jemmen f’din l-espressjoni kulturali li tant hija b’saħħitha. Għax liema Gvern se jinvesti dawk il-flus kollha jekk ma jemminx fil-futur tal-Karnival?

Dan l-investiment hu aħbar tajba wkoll mil-lat ambjentali. Dawn il-vetturi, 40 b’kollox, huma ambjentalment iktar superjuri minn dak li għandna llum. Iniġġzu inqas, jagħmlu inqas storbju u huma iktar safe.

Però, din ma kinitx l-unika aħbar tajba għall-mijiet ta’ dilettanti tal-Karnival, għaliex ftit tal-jiem ilu meta ġie varat il-pakkett ta’ fondi l-ġdid tal-Unjoni Ewropea il-proġett tal-Villaġġ tal-Karnival (issa msemmi Culture and Arts Hub) fil-Marsa ġie msemmi b’ismu bħala wieħed mill-proġetti li papabbli immens biex jibbenefika minn fondi Ewropej.

Hu x’hemm aħjar minn dan il-proġett biex bis-saħħa tal-fondi Ewropej il-Karnival ta’ Malta jingħata pedament sod għal futur mill-isbaħ?

Kif spjega l-Ministru Owen Bonnici, diġà nstabet u ngħatat art għal dan il-proġett li hi fil-Marsa. Hu kruċjali li l-art tkun qrib kemm jista’ jkun il-Belt Valletta u allura dan il-fattur – li normalment ikun l-ikbar sfida fi kwalunkwe proġett – diġà ġie sorvolat. Għax ngħiduha kif inhi fejn jidħlu l-proġetti l-ikbar problema tkun dejjem l-art u f’dan il-każ hi ħaġa tajba li l-art diġa’ ġiet assigurata.

Dan is-sit jemmen li issa li l-art ġiet assigurata u tnieda l-programm ta’ fondi l-ġdid tal-Unjoni Ewropea, il-Gvern għandu jpoġġi dan il-proġett bħala prijorità ewlenija fis-settur kulturali. Id-dilettanti tal-Karnival ħaqqhom dan il-proġett u hu ta’ sodisfazzjon li fl-intervent Parlamentari li għamel il-Ministru Bonnici fil-Parlament it-Tnejn li għadda qal ċar u tond li immedjatament se ssir applikazzjoni biex bis-saħħa tal-fondi li jingħataw dan il-proġett isir realtà.

B’hekk la jsir dan il-proġett jingħaqad mal-kullana ta’ proġetti infrastrutturali li diġa’ wettaq il-Ministru Bonnici fil-kamp kulturali: il-MUŻA, ir-restawr tal-Forti Sant’Anġlu, r-restawr tal-Forti Sant Iermu, ir-restawr tal-katakombi ta’ San Pawl u l-proġetti li għaddej xogħol ġmielu fuqu bħalissa bħall-MICAS, il-Palazz tal-Granmastru u l-Mużew Marittimu. Dawn huma kollha legati b’saħħithom li Gvern Laburista se jkun qed iħalli warajh fil-kamp kulturali.

Mhux kull pajjiż jista’ jiftaħar li għandu Karnival fil-programm kulturali tiegħu u Malta hija waħda mill-ftit pajjiżi li għandha l-Karnival fil-programm kulturali nazzjonali. Dan hu, bla dubju, asset kulturali b’saħħtu mmens li jattira mhux biss interess lokali, imma anke mil-lat ta’ turiżmu.

Hu żgur li l-Karnival isaħħaħ il-prodott kulturali u turistiku ta’ dan il-pajjiż tagħna u hu bla dubju ta’ xejn li din l-enerġija li qed juri l-Ministru Bonnici f’dan il-kamp se tara li jkun hemm futur sabiħ għal dan is-settur.

Id-dilettanti tal-Karnival huma verament artisti ta’ livell għoli mmens u dan is-sit jemmen li jixirqilhom l-aħjar, kif bla dubju se jingħatalhom.

Sport