Tuesday, April 23, 2024

Harry Kane … ir-Re l-ġdid tal-goals ta’ Tottenham Hotspur

Aqra wkoll

L-attakkant internazzjonali Ingliż, Harry Kane, huwa r-re tal-goal ta’ Tottenham Hotspur. 

Nhar il-Ħadd li għadda, huwa skorja l-uniku goal fir-rebħa ta’ 1-0 fuq Manchester City biex daħal fl-istorja tal-club minn Londra. 

B’dan il-goal huwa kiser ir-rekord tal-leġġendarju Jimmy Greaves hekk kif skorja 267 goals għall-club. 

Kane, li għandu 29 sena, diġá għandu l-istatus ta’ wieħed mill-aqwa players li qatt lagħbu għal Spurs iżda dan il-ksur ta’ rekord, li kien ilu jitgawda mill-1970, itellgħu f’livell għalih. 

Greaves, li miet ta’ 81 sena fl-2021, huwa meqjus bħala wieħed mill-aktar skorers naturali fl-istorja tal-football. Membru tal-iskwadra tal-Ingilterra, rebbieħ tat-Tazza tad-Dinja tal-1966 u li skorja 44 darba għal pajjiżu, Greaves huwa l-ogħla skorer fl-istorja tal-aqwa players Ingliżi bi 357 goal. L-eks attakkant ta’ Tottenham, Chelsea u West Ham spiċċa bħala l-aqwa skorer tal-Ewwel Diviżjoni f’sitt staġuni.

Peró, li Kane għadda lil Greaves fil-kotba tal-istorja ta’ Tottenham hija waħda mill-akbar kisbiet personali meta wieħed iqis id-dubji li kieu jdawru lil dan il-player fil-bidu tal-karriera tiegħu. Dan minħabba li meta ngħaqad ma’ Tottenham, fl-2009, ma laħaqx l-aspettattivi meħtieġa bħala attakkant. 

Kienu għaddew kważi sentejn bejn l-ewwel goal ta’ Kane kontra Shamrock Rovers fl-2011 u l-ieħor tiegħu kontra Hull fl-2013. Iżda ċaqlieq b’self lejn Leyton Orient u Millwall ipprovdew ħjiel tal-potenzjal ta’ Kane. Peró, it-trasferimenti ta’ self ma’ Leicester City u Norwich, fl-2012/13, xejn ma għenu l-kawża tiegħu. 

Kane naqas milli jiskorja għal Norwich u skorja biss żewġ goals għal Leicester fiċ-Championship. 

“Xejn ma kien żmien feliċi. Kelli 19-il sena, ngħix ‘il bogħod mid-dar u ma nilgħabx. Kont dejjem naħseb li qatt ma kont se nilgħab għal Tottenham minħabba ftit li xejn kont niġi utilizzat minn Leicester,” qal Kane.

Kien meta l-coach Mauricio Pochettino ngħata r-responsabbiltá tat-tmexxija tat-team li Kane beda jingħata l-fiduċja tal-potenzjal tiegħu u fl-istaġun 2014/15 kien għażla awtomatika. 

Huwa rreċiproka din il-fiduċja b’patafjun ta’ goals biex eventwalment huwa beda jikseb ir-rispett mill-clubs u players avversarji. 

Illum huma jinsab fit-tielet post tal-aqwa skorers fil-Premier League ta’ kull żmien, wara Alan Shearer (260) u Wayne Rooney (200) hekk kif bil-goal kontra Manchester City huwa laħaq iċ-ċifra ta’ 200.

Kane sar ukoll l-aqwa skorer konġunt tal-Ingilterra fit-Tazza tad-Dinja f’Diċembru, hekk kif skorja 53 goal. Bil-goal tiegħu fit-telfa ta’ 2-1 kontra Franza fil-kwarti-finali tat-Tazza tad-Dinja, huwa laħaq lil Wayne Rooney … 

Goal ieħor jagħmlu l-aqwa skorer tal-Ingilterra ta’ kull żmien!

Sport