Minn meta bdiet l-offensiva Iżraeljana f’Gaża, inqatlu aktar minn 25,000 persuna. Dan ġie kkonfermat minn kelliem għall-Ministeru tas-Saħħa mmexxi mill-Ħamas, li enfasizza li f’24 siegħa, inqatlu 178 persuna.
Filwaqt li ssokta l-ġlied fil-Lvant Nofsani, il-Prim Ministru ta’ Iżrael, Benjamin Netanyahu ċaħad il-ħolqien ta’ stat Palestinjan. Min-naħa tagħha, il-White House qalet li l-Istati Uniti u l-Iżrael jaraw l-affarijiet b’mod ċar, meta jiġu għal soluzzjoni ta’ żewġ stati.
L-Iżrael beda bl-offensiva tiegħu wara l-attakk tas-7 ta’ Ottubru, li fih ġellieda tal-Hamas, qatlu 1,300 ruħ fin-Nofsinhar tal-Iżrael u ħadu aktar minn 240 persuna bħala ostaġġ.
L-operazzjoni ta’ Iżrael bl-ajru u fuq l-art issa qed tiffoka fuq in-Nofsinhar ta’ Gaża, fejn il-militar huwa konvint li l-kmandanti ewlenin tal-Ħamas jinsabu fil-belt ta’ Khan Younis.
Aġenziji tal-intelliġenza tal-Istati Uniti rrappurtat li jistmaw li l-militar Iżraeljan qatel mat-30% tal-ġellieda tal-Ħamas. Qed jingħad ukoll li r-rapport sab li l-Ħamas għad għandu biżżejjed armi biex ikompli jolqot lill-Iżrael u lill-forzi Iżraeljani għal xhur sħaħ.