Tuesday, December 24, 2024

George Gregory jinħatar Kap Eżekuttiv ġdid ta’ Malta Enterprise

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi ħabbar li l-Board ta’ Malta Enterprise ħatar lis-Sur George Gregory bħala l-Kap Eżekuttiv il-ġdid ta’ Malta Enterprise. Is-Sur Gregory se jibda jokkupa din il-kariga b’seħħ mit-Tnejn 9 ta’ Settembru 2024. Barra minn hekk, immedjatament inbeda proċess sabiex is-Sur Gregory itemm kull involviment tiegħu ma’ RSM Malta.

Il-Ministru Silvio Schembri rringrazzja lis-Sur Kurt Farrugia għax-xogħol siewi li wettaq matul iż-żmien tiegħu bħala Kap Eżekuttiv ta’ Malta Enterprise u awguralu kull suċċess fil-kariga l-ġdida tiegħu fi ħdan Transport Malta.

Is-Sur George Gregory, li bħalissa huwa l-Managing Partner ta’ RSM Malta, għandu aktar minn 30 sena esperjenza professjonali. Apparti fl-RSM huwa serva wkoll fi rwol ta’ partner ma’ ditti oħrajn inkluż top tier firms. Matul il-karriera tiegħu, huwa mexxa bosta impenji ta’ profil għoli, inkluż akkwisti, ristrutturar, u rwoli ta’ konsulenza strateġika, kemm kummerċjali kif ukoll minn perspettiva ta’ tassazzjoni. Is-Sur Gregory huwa gradwat bħala accountant bil-kwalifiċi tal-ACCA mill-Association of Certified Chartered Accountants.

Il-Ministeru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi jħares ’il quddiem lejn il-kontribuzzjoni siewja tas-Sur Gregory fit-tmexxija ta’ Malta Enterprise u fl-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż.

 “Dan huwa żmien importanti ħafna għal Malta Enterprise fejn, bħala pajjiż, irridu nkomplu nimplimentaw b’aktar saħħa l-istrateġija tagħna biex nattiraw lejn pajjiżna dik l-attività ta’ valur għoli li ma tirrikjedix ħafna ħaddiema u/jew art minn fejn topera. B’hekk nassiguraw tkabbir ekonomiku sostenibbli u ta’ ġid għal kulħadd,” temm jgħid il-Ministru Schembri.

Ekonomija

Sport