Ir-Reġjun Punent se jkun ir-Reġjun Kulturali għall-2027, b’investiment ta’ €250,000 mid-Diviżjoni għall-Gvern Lokali għall-implimentazzjoni ta’ programm kulturali mifrux fuq 12-il xahar, li se jlaqqa’ flimkien l-għaxar lokalitajiet tar-reġjun u jagħti prominenza lill-wirt storiku, artistiku u tradizzjonali tagħhom.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Gvern Lokali u x-Xogħlijiet Pubbliċi, Alison Zerafa Civelli, flimkien mal-President tar-Reġjun Punent, Sandro Azzopardi, li matulha ġie ppreżentat il-programm ta’ attivitajiet għall-2027, li jinkludi pellegrinaġġi kulturali bejn il-lokalitajiet, kunċerti mużikali, wirjiet, żjarat f’siti storiċi u arkeoloġiċi, attivitajiet marbuta mal-festi tradizzjonali u inizjattivi li jiċċelebraw l-artiġjanat, il-folklor u t-tradizzjonijiet Maltin.

Il-Ministru Alison Zerafa Civelli, saħqet li l-inizjattiva tar-Reġjun Kulturali hija parti mill-impenn tal-Gvern li jkompli jwassal il-kultura direttament fil-komunitajiet, filwaqt li jsaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali u jagħti aktar spazju lill-artisti u lill-għaqdiet kulturali. “Il-kultura għandha tkun aċċessibbli għal kulħadd u parti mill-ħajja ta’ kuljum tal-komunitajiet tagħna. Permezz ta’ din l-inizjattiva, qed noħolqu aktar opportunitajiet biex il-wirt Malti tagħna jiġi apprezzat, imħares u mgħoddi lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin,” qalet il-Ministru.
Hija kompliet tgħid li l-investiment ta’ €250,000 se jgħin biex jitwettaq programm mifrux fuq sena sħiħa, li jlaqqa’ flimkien l-għaxar lokalitajiet tar-Reġjun Punent u jagħti viżibbiltà lit-tradizzjonijiet, lill-istorja u lit-talenti lokali, filwaqt li jinkoraġġixxi aktar parteċipazzjoni kulturali mill-pubbliku.
Il-President tar-Reġjun Punent, Sandro Azzopardi, qal li l-ħatra tar-reġjun bħala Reġjun Kulturali għall-2027 hija opportunità biex l-għaxar lokalitajiet jaħdmu flimkien u juru l-identità, l-istorja u t-tradizzjonijiet li jagħmluhom uniċi. Huwa spjega li permezz tal-programm ippjanat, ir-reġjun se jkun qed jagħti spazju lill-artisti, lill-għaqdiet u lill-komunitajiet lokali biex jipparteċipaw b’mod attiv f’sena ta’ attivitajiet li jiċċelebraw il-wirt kulturali komuni tagħhom.

Il-programm tar-Reġjun Kulturali 2027 se jkun mifrux fuq 12-il xahar u se jinkludi mill-inqas tliet avvenimenti ewlenin, fosthom l-attività tal-ftuħ u dik tal-għeluq. L-attivitajiet kollha se jkunu miftuħa għall-pubbliku mingħajr ħlas, sabiex jitħeġġeġ l-involviment ta’ udjenzi differenti u l-kultura tkun aċċessibbli għal kulħadd.
L-inizjattiva għandha l-għan li ssaħħaħ il-promozzjoni tal-kultura fil-livell reġjonali, iżżid il-kollaborazzjoni bejn il-Kunsilli Lokali, toħloq opportunitajiet għall-artisti u l-għaqdiet kulturali, u tippromwovi l-ħarsien tal-wirt kulturali Malti. Permezz ta’ programm komuni, ir-reġjun se jkun jista’ juri kif l-identitajiet differenti tal-lokalitajiet tiegħu jingħaqdu f’wirt kulturali li huwa parti mill-identità nazzjonali.
L-għażla tar-Reġjun Punent bħala r-Reġjun Kulturali għall-2027 se toffri opportunità biex dan il-wirt jingħata aktar viżibbiltà u jiġi apprezzat minn aktar nies, filwaqt li l-komunitajiet lokali jingħataw rwol attiv fil-ħarsien u t-tkomplija tat-tradizzjonijiet tagħhom għall-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Ir-Reġjun Punent huwa magħmul mill-Imdina, Ħaż-Żebbuġ, is-Siġġiewi, Ħad-Dingli, Ħal Kirkop, l-Imqabba, il-Qrendi, ir-Rabat, Ħal Safi u ż-Żurrieq.

