Ġew Malta biex jisirqu… erba’ Rumeni jammettu li wettqu 11-il każ ta’ pickpocketing fil-Belt

Aqra wkoll

Erba’ Rumeni li ġew Malta speċifikatament biex jisirqu tressqu l-Qorti fejn ammettew li wettqu 11-il każ ta’ pickpocketing, bil-vittmi jkunu fil-parti l-kbira anzjani.

L-imputati huma Martinelii Bruno Adir ta’ 18-il sena, Manix Babol ta’ 21 sena, Elvis Adir ta’ 25 senau Florin Rambo Manolescu ta’ 28 sena.

Fil-Qorti nstema’ kif bejn it-2 u l-5 ta’ Novembru, il-pulizija bdiet tirċievi diversi rapporti ta’ pickpocketing fil-Belt Valletta. B’kollox ġew irrapportati 11-il serqa u l-vittmi kollha, ħlief waħda, ikunu anzjani ta’ ’l fuq minn 60 sena. 

Minn filmati tal-kameras tas-sigurtà u ritratti provduti mill-vittma, il-pulizija rnexxielha tistabbilixxi li l-persuni involuti f’dan is-serq kienu qed jaħdmu fi grupp ta’ erbgħa. 

Fis-6 ta’ Novembru li għadda, intlemħu żewġ persuni fi Triq Merkanti li l-pulizija kellha ritratt tagħhom u l-istess persuni ġew arrestati. Wara aktar rondi, il-Pulizija arrestat liż-żewġ persuni l-oħra fi Pjazza Kastilja. 

Mal-Pulizija, l-imputati kienu ammettew l-involviment tagħhom u qalu li kienu ġew Malta proprju biex jisirqu. 

Fil-Qorti, l-imputati wieġbu ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom u wara li semgħu l-pieni marbuta ma’ din l-ammissjoni, inkluż il-piena massima ta’ 14-il sena u disa’ xhur priġunerija, wieħed minnhom tah ħass ħażin u waqa’. 

Wara li l-imputat ġie eżaminat minn tabib, u kien f’qagħda li jsegwi l-proċeduri, is-seduta kompliet. L-imputati reġgħu kkonfermaw l-ammissjoni tagħhom.

Il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Marse-Ann Farrugia se tagħti s-sentenza t-Tnejn f’12.20 p.m. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport