Raġel ta’ 59 sena residenti San Ġwann ġie arrestat meta inqabad fil-fatt jisraq minn maħżen li jinsab fi Triq l-Intornjatur fl-Imrieħel, limiti ta’ Birkirkara.
Kienu għall-ħabta tad-9.30p.m. tas-Sibt xħin daħlet telefonata li aktarx kienet għaddejja serqa u għaldaqstant, immedjatament intbagħtu l-Pulizija fuq il-post.
Wara li ġie stabbilit li kien hemm tieqa li tagħti għall-parkeġġ tal-istess maħżen imkissra u li x’aktarx li l-allegat ħalliel daħal minn hemm, il-Pulizija daħlu ġewwa ifittxu. Ftit mumenti biss wara, il-Pulizija nnutaw persuna f’uffiċċju, fejn dan ġie ċċirkondat u arrestat.
Saret tfittxija fil-post fejn instab basket li fih kellu numru ta’ oġġetti relatat mas-serq, fosthom ingwanti, sega u tnalji, waqt li fl-istess baskett instab pouch b’ madwar €4,000 li allegatament insterqu minn kexxun li nstab sgassat.
Filwaqt li r-raġel qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija l-Furjana għal aktar investigazzjonijiet, huwa mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem illi ġejjin.
