Wednesday, April 24, 2024

GĦAJNUNA GĦALL-INNOVAZZJONI GĦALL-SMEs

Christine Mallia Spiteri
Christine Mallia Spiteri
Rapreżentanta Malta Enterprise

Aqra wkoll

Il-Malta Enterprise nediet skema ġdida, INNOVATE, maħsuba biex tappoġġja intrapriżi Żgħar u Medji (‘SMEs’) fit-twettiq ta’ proġetti li jwasslu għal innovazzjoni ta’ prodotti u proċessi, b’kollaborazzjoni ma’ Organizzazzjonijiet ta’ Riċerka (Universitajiet).   Permezz ta’ kooperazzjoni bħal din, l-SMEs ikunu jistgħu jaċċessaw il-kompetenza, l-għarfien u r-riżorsi meħtieġa biex jwettqu proġetti bħal dawn.

L-attivitajiet appoġġjati għandhom iwasslu għal prodotti, servizzi u/jew proċessi ġodda jew imtejba.  L-intensità tal-għajnuna tista titla sa 50% tal-ispejjeż eliġibbli, b’appoġġ massimu ta’ €100,000 għal kull Business Research Partnership. Fil-każ ta’ għajnuna għal servizzi ta’ konsulenza, l-intensità tal-għajnuna tista’ tiżdied sa 100 % tal-ispejjeż eliġibbli sa €200,000 għal kull impriża fi kwalunkwe perjodu ta’ tliet snin.  

Christine Mallia Spiteri – Manager (Malta Enterprise)

Il-proġetti għandhom jibdew fi żmien 12-il xahar mid-data tal-approvazzjoni tal-finanzjament u għandhom jiġu implimentati u ffinalizzati fi żmien 36 xahar minn meta jibdew.  L-assistenza tista’ sservi bħala konsultazzjoni mogħtija mill-organizzazzjoni tar-riċerka, jew sistemi ta’ appoġġ biex taċċessa softwer jew databases offruti online.

L-iskema tħabbret mill-Ministru Dalli waqt żjara f’IBG Automation, flimkien mal-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia.   Din l-iskema hija prodott ta’ konsultazzjoni anke mal-Università ta’ Malta, fejn tkompli tiffaċilita l-kollaborazzjoni fost l-intrapriżi u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka, kemm f’Malta kif ukoll barra. 

Il-formola tal-applikazzjoni għandha titniżżel mill-portal tal-klijenti tal-Korporazzjoni li jista’ jiġi aċċessat billi ssegwi din il-link Innovate – Innovation Aid for SMEs | Malta Enterprise

Sport