Wednesday, April 24, 2024

“Telgħin ħafna kantanti emerġenti … sinjal tajjeb għax-xena mużikali Maltija”

Aqra wkoll

Justine Bezzina hija kantanta stabbilita Maltija li twieldet fit-22 ta’ Jannar 1987 u llum il-ġurnata għandha 35 sena.

Ilha tkanta sa minn meta kellha seba’ snin u bdiet tieħu sehem fil-festivals fejn dejjem kienet tmur tajjeb. Meta kellha sittax-il sena daħlet sabiex tieħu sehem f’festival tal-mużika pop fejn ġiet ukoll magħżula sabiex tkun waħda mill-backing vocalists biex tirrappreżenta lil Malta fil-kanzunetta ta’ Lynn Chircop “To Dream Again” fil-Eurovision Song Contest.

Hi ħadet sehem fil-festival tal-kanzunetta Maltija għall-Ewropa fl-2005 bid-diska “Through your eyes” bi kliem ta’ Doris Chetcuti u mużika ta’ Renato Briffa.

Fis-sena 2008, Bezzina kellha kanzunetta oħra bl-isem ta’ “Rhythm of the Night” filwaqt li sena wara daħlet b’”ĦaĦiĦu”

Għal ħafna snin hi kienet qed tkanta f’diversi lukandi, postijiet tad-divertiment, quddies u tiġijiet apparti li tkanta fil-festa ta’ San Duminku fil-Belt Valletta u l-festa tal-Madonna tal-Karmnu.

Hi kienet waħda mill-finalisti fit-43 edizzjoni tal-Għanja tal-Poplu 2019 bil-kanzunetta “Mhux li Kien” bi kliem ta’ Joe Julian Farrugia u mużika ta’ Glen Vella.

L-Orizzont tkellem ma’ din il-kantanta Maltija fejn qasmet magħna diversi mumenti sbieħ fil-karriera tagħha.

Justine tgħidilna li l-imħabba għall-kant ġiet mingħand missierha Joe Paul li kien ikanta u bħal qisu xandar din l-istess namra lejn bintu.

“Minn dejjem nafu jkanta u jien kont immur miegħu f’xi postjiet fejn kien ikun. Awtomatikament ta’ seba’ snin kien imiss lili biex inkompli l-ġenerazzjoni tal-familja Bezzina.”

Hekk kif aktar qabel semmejna l-festivals li Justine ħadet sehem fihom, saqsejniha jekk titħajjarx tieħu sehem f’oħrajn bħal Mużika Mużika u X-Factor Malta. Hi qaltilna li l-aħħar kompetizzjoni ftit li xejn tinteressa iżda Mużika Mużika għandu l-prestiġju tiegħu u għalhekk tixtieq tieħu sehem xi darba.

X’inhi l-opinjoni ta’ Justine Bezzina fuq is-sitwazzjoni tal-mużika f’pajjiżna?

“Ejja ngħidu li Malta hu pajjiż żgħir u xi ftit limitat. Madankollu ħdejn qabel l-opportunitajiet żdiedu mhux ħażin fosthom il-festivals bħal Mużika Mużika li hu kunċett sabiħ ħafna iktar u iktar li tiġi promossa l-mużika Maltija. Telgħin ukoll ħafna kantanti emerġenti u dan hu sinjal tajjeb anke għax-xena mużikali fil-gżejjer Maltin.

Insaqsu lil Justine dwar kemm hu apprezzat il-kantant Malti mill-Maltin stess illum il-ġurnata jew jekk iktar ifittxux dak barrani u meta jiġi Malta bħal fl-Isle of MTV imorru warajh jew warajha għall-firma tiegħu jew tagħha.

Hi tgħidilna li jiddependi x’tip ta’ kategorija wieħed qed jirreferi għal kantant jew kantanta barranija. Fil-fatt hi tgħid li kantanti mill-grupp The Voice huma sublimi u tieħu gost tisma’ l-mużika tagħhom. Madankollu kif tgħid hi, wieħed m’għandux jara biss l-faċċata ta’ barra ta’ artist iżda anke kif inhu mogħni minn ġewwa. Minkejja kollox, qed naraw Maltin li qed ifittxu l-mużika Maltija u dan l-aħħar ġew imwaqqfa ħafna gruppi li għamlu suċċess u li anke saħansitra qed nisimgħu diski tagħhom waqt xi festa jew tieġ. Skont kif tgħid hi, irid ikun il-poplu Malti li jaċċetta din it-tip ta’ kanzunetta, xi ħaġa li qed tikber ħafna aktar ma jgħaddi ż-żmien.

Saqsejna lil Justine Bezzina dwar il-futur tagħha. Kif qed tarah?

“Bla dubju li se nkompli għaddejja bil-kant għax dak hu parti minn ħajti. Mingħajr kant, ħajti ma jkollha l-ebda skop. Il-kant iġiegħlni nħossni aħjar u meta nara lin-nies li huma kuntenti u sodisfatti bil-mużika tiegħi, aktar nagħmel kuraġġ biex inkompli għaddejja.”

“Kien hemm mumenti fejn kelli nieqaf ftit, il-pandemija tal-COVID-19 ftit għenet lilna l-artisti u kantanti għax waqqafna ħesrem kull wirja jew attività li kellna. Madankollu issa rġajna bdejna u qed nagħmlu dan bil-kbir.”

“Mill-banda l-oħra, qed naħseb sabiex nerġa’ nidħol f’xi konkors ieħor u forsi nidħol b’xi kanzunetta li nittama li tikseb popolarità kbira. Madankollu dejjem infittex sabiex dak li nagħmel, inħoss sens ta’ sodisfazzjon kbir speċjalment meta nkun ħdimt għaliha. Ma jistax ikollok kollox għaddej ward u żahar fil-ħajja iżda dejjem tipprova tagħmel mill-aħjar.”

Finalment tlabna lil Justine Bezzina sabiex tgħaddi messaġġ lil dawk it-tfal u ż-żgħażagħ li jixtiequ jaqbdu karriera fil-kant.

“Il-kant hu passatemp verament sabiħ u jekk tieħdu bis-serjeta’ u tirsisti jaf ikun ukoll parti mill-karriera tiegħek. Il-bidu qatt mhu faċli, trid tagħmel ħafna prattika, xi kultant anke sagrifiċċji iżda s-sodisfazzjon li tieħu hu ferm kbir.” 

Qatt m’għandek taqta’ qalbek u dejjem tibqa’ toħlom għax il-ħolm jaf isir realtà. Jien kont noħlom li xi darba nkun parti minn dak il-palk sabiħ fejn jarawk ħafna nies u jifirħu bil-mużika tiegħek. Dan kollu sar realtà għalkemm għandi ħafna ambizzjonjiet sbieħ li nixtieqhom li forsi xi darba jsiru realta’ ”

Sport