Saturday, April 27, 2024

GĦAJNUNA IMMEDJATA!

Aqra wkoll

Minn ċifri li għadhom kif ġew ippubblikati mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fl-ewwel kwart ta’ din is-sena – bejn Jannar u Marzu – l-ekonomija Maltija kibret b’7.6%, b’żidiet sostanzjali fil-konsum privat, fl-investiment u anke fl-esportazzjoni netta.

Din l-istatistika uffiċjali tal-ewwel kwart tas-sena turi kif l-ekonomija Maltija kompliet tikber u turi sinjali b’saħħithom ta’ rkupru mill-pandemija. Turi kif il-ġid nazzjonali f’dawn l-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena jiżboq dak ta’ bejn Jannar u Marzu tal-2019, sena qabel faqqgħet il-pandemija.

Madankollu l-prezzijiet tal-ikel qed jesperjenzaw żidiet konsiderevoli minħabba diversi fatturi, il-pandemija, iż-żieda fil-prezzijiet ta’ trasportazzjoni, l-invażjoni tal-Ukranja u anke Brexit. 

Għalkemm pajjiżna għandu l-inqas rata ta’ inflazzjoni fiż-żona Ewro, ir-rata tal-inflazzjoni f’April laħqet il-livell ta’ 5.67%, żieda minn 4.43% fix-xahar ta’ qabel riżultat tal-prezzijiet tal-ikel. Filwaqt li l-Gvern ma jistax jiddetermina l-għoli tal-ħajja, il-politka tal-Gvern Malti li jżomm il-prezzijiet tal-enerġija, fjuwil u ċereali stabbli qegħda taħdem u tgħin biex il-pajjiż jibqa’ kompetittiv, però xorta waħda jeħtieġ intervent immedjat u oħrajn fit-tul li jindirizzaw l-isfida tal-għoli tal-ħajja. Ħadd ma jista’ jinnega li l-prezzijiet tal-ikel żdiedu u allura huwa f’dover tagħna li ngħinu. 

Ftit ġranet ilu f’laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali il-GWU pproponiet li f’dawn iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali għandha tingħata żieda parzjali mill-COLA minn qabel biex tkopri ż-żieda fil-prezzijiet.

Kif qal tajjeb is-Segretarju Ġenerali tal-GWU Josef Bugeja hekk kif il-kumpens għaż-żieda fil-prezzijiet normalment tingħata fl-1 ta’ Jannar tas-sena 2023, huwa ġust li f’din iċ-ċirkostanza partikolari parti mill-COLA tinħareġ b’mod imminenti biex tgħin lill-familji jlaħħqu mal-għoli tal-ħajja.

Il-proposta mressqa mill-GWU hija mnebbħa mill-valuri tal-ġustizzja soċjali u solidarjeta. Valuri li kulħadd jgħid li jħaddan u jħobb. Ħadd ma jrid li jara persuni jaqaw lura fis-soċjeta tagħna u l-GWU temmen li din iż-żieda se tkun qed tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies.  

Żieda li se tgħin speċjalment lill-familji bi dħul baxx u dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjeta, bħall-pensjonanti, li qed jesperjenzaw din iż-żieda fil-prezzijiet tal-ikel. Dawn il-persuni ma jistawx jistennew sa Jannar tas-sena d-dieħla biex jiġu kompensati. Din mhux l-ewwel darba li ġrat. Diversi drabi meta żdiedu l-prezzijiet ta’ oġġetti essenzjali, ingħatat parti mill-għoli tal-ħajja.  

Fuq strateġija fit-tul, l-involviment ta’ sħab soċjali huwa kruċjali. Malta ngawdu minn djalogu soċjali b’saħħtu. Il-passat riċenti juri biċ-ċar li waqt il-pandemija, l-isħab soċjali qamu għall-okkażjoni u ħadmu flimkien mal-Gvern biex għelbu din l-isfida. L-istess għandu jsir issa biex flimkien negħlbu din l-isfida wkoll. 

F’reazzjoni għall-aħħar figuri maħruġa mill-NSO, il-Prim Ministru Robert Abela rrimarka fuq Twitter li l-Gvern se jkompli jsostni r-reżiljenza tal-ekonomija u jibni prosperità ġdida. Il-Prim Ministru anke żied jghid li strateġija tieghu li jżomm l-prezzijiet tal-energija stabbli anke f’tul. 

Ejja nżommu f’moħħna li l-kumpens tal-għoli tal-ħajja kien maħluq biex kulħadd iżomm l-istess livell tal-għajxien tiegħu. Kien maħsub biex ħadd ma jaqa’ lura fis-soċjeta tagħna. Ejjew naħdmu għal soluzzjonijiet effettivi u mnebbħin mill-ġustizzja soċjali.

Sport