Friday, May 17, 2024

Għajnuna lill-vittmi u familjari ta’ vjolenza domestika

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal ġedded ftehim soċjali illi kellu mal-Fondazzjoni Jean Antide, u li permezz tiegħu ser ikompli jingħata s-servizz SOAR. Dan is-servizz jagħti appoġġ lill-vittmi ta’ vjolenza domestika u anke l-familjari tagħhom.

Ħabbar dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal Michael Falzon waqt konferenza tal-aħbarijiet illi saret fil-binja tal-Fondazzjoni Jean Antide, illi tilqa’ u tgħin dawn il-persuni. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-Ministeru ser jalloka s-somma ta’ madwar €160,000 fuq medda ta’ 3 snin.

“Għal din is-sena, bħal dan l-investiment għandna diversi oħrajn li fiċ-ċentru tagħhom hemm il-bżonnijiet tan-nies u strutturi soċjali li jgħinuhom jitilgħu pass ieħor ’il fuq. Fil-fatt, l-allokazzjoni finanzjarja ser tilħaq it-€12-il miljun sabiex nestendu l-ftehimiet soċjali illi għandna. B’kollox għandna 35 ftehim ma’ 25 għaqda volontarja u NGO,” spjega l-Ministru Michael Falzon.

Is-servizz SOAR jgħin lill-vittmi u familjari tagħhom fl-isfidi li jkunu qed jiffaċċjaw. Dan is-servizz jipprovdi wkoll social workers li jassistu lil dawn il-familji. Servizzi bħal dawn jgħinu biex dawn il-familji jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid.

Min-naħa tagħha, id-Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Jean Antide, Melanie Piscopo, spjegat kif hemm persuni li għaddew mit-tbatija tal-vjolenza domestika u issa qed iservu ta’ pilastri għal ħaddieħor li għaddej minn sfidi simili. Hija semmiet ukoll li matul is-sena li għaddiet, is-servizz SOAR għamel differenza fil-ħajja ta’ 175 mara u 160 tfal tagħhom.

Sport