Monday, October 14, 2024

GĦAJXIEN DIĊENTI GĦAL KWALITÀ TA’ ĦAJJA AĦJAR

Aqra wkoll

Bil-għan li jiġi definit u kkalkulat x’inhu l-living income għal tipi ta’ familji u individwi differenti f’Malta, matul ix-xhur li għaddew kien tnieda studju immexxi mill-General Workers’ Union flimkien mal-Alleanza Kontra l-Faqar u l-Moviment Graffitti. 

Dan l-istudju jagħti stampa aktar ċara dwar x’jeħtieġ li jsir sabiex kull ċittadin f’Malta jkun jista’ jgħix ħajja diċenti u ma jaqax fir-riskju tal-faqar. L-istess studju kien sab li l-living income nazzjonali għandu jkun ta’ madwar €14,864 għal persuna waħedha, €20,099 għal ġenitur waħdu b’wild wieħed, €26,018 għal ġenitur waħdu b’żewġt itfal, €21,316 għal koppja bla tfal, €25,746 għal żewġ ġenituri b’wild wieħed u €30,734 għal żewġ ġenituri b’żewġt itfal.

F’dawn ir-riżultati ttieħdu konsiderazzjoni ta’ diversi fatturi fosthom is-saħħa, l-ikel u x-xorb, housing, l-edukazzjoni, trasport u rikreazzoni fost affarijiet oħra. Għalhekk, għalkemm hu minnu li diffiċli li jingħad b’ċertezza kemm għandu jkun il-living income, billi r-realtajiet tal-individwi jvarjaw minn persuna għall-oħra, dan nemmnu li huwa l-ewwel pass lejn dħul diċenti għal kulħadd.

F’dan il-kuntest, nemmnu li kien pożittiv li l-GWU ressqet dan l-istudju quddiem il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD). Dan sabiex id-djalogu soċjali dwar il-living income jibqa’ għaddej u b’hekk isir aktar magħruf x’jista’ jagħmel il-pajjiż sabiex kulħadd jiġi megħjun u b’hekk ħadd ma’ jitħalla jaqa’ lura. 

Ma nistgħux ukoll ma ninnutawx b’sodisfazzjon li l-imsieħba soċjali kellhom rispons pożittiv għal dan l-istudju. Ħafna minnhom fil-fatt saħqu dwar il-ħtieġa ta’ aktar studji ta’ dan it-tip sabiex flimkien jaraw kif jistgħu jgħollu l-livell ta’ kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini.

Nemmnu li dan l-istudju għandu jiġi kkunsidrat anke issa li għaddejjin l-aħħar preparamenti b’rabta mal-budget li jmiss li minn dak li ħareġ s’issa jidher li se jerġa’ jkun wieħed soċjali u li jaħseb f’kulħadd.

Fil-fatt il-Prim Ministru indika diġa li l-għajnuna favur prezzijiet stabbli tal-enerġija se tibqa’ filwaqt li se jitjieb il-mekkaniżmu addizzjoni għall-għoli tal-ħajja lill-familji vulnerbbli anki jekk ir-rata ta’ inflazzjoni mistennija tonqos.

Sport