Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Bdejt il-karriera tiegħi fil-futbol ta’ età żgħira ħafna ma’ klabb mill-Arġentina. Kelli 13-il sena meta mort ma’ Boca Juniors li huwa l-ikbar klabb f’dan il-pajjiż. Hemmhek qattajt seba’ snin fl-akkademja fejn iffurmajt ruħi kemm bħala persuna u wkoll bħala plejer. Kienet kemm esperjenza mill-isbaħ imma wkoll diffiċli għax mhux faċli li titlaq lill-familja tiegħek u tibda mill-bidu waħdek, imma kienet waħda mill-ħolm tiegħi li nsir plejer professjonali u dejjem ser inkun grat għal dan.
Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek bħala kowċ ma’ Swieqi United FC.
Għalija huwa unur li jien il-kowċ ta’ Swieqi United … klabb li huwa tant organizzat u li għandu futur sabiħ. Flimkien mat-tim tekniku tiegħu u wkoll mal-maniġer tat-tim għamilna l-għan mill-ewwel ġurnata li ntejbu s-senior tim u wkoll liż-żgħar, u nemmen li wara biss żewġ staġuni naħdmu flimkien issa qed naraw ir-riżultati, u wkoll qed niksbu r-rispett mit-tim, u dan ix-xogħol li qed nagħmlu qed jirrifletti kull ġimgħa permezz tal-logħob.
X’ tikkummenta dwar l-andament tat-tim matul dan l-istaġun sa issa?
Dan l-istaġun huwa wieħed pożittiv ħafna għalina, u rnexxielna nikkwalifikaw mal-ewwel tmienja, li hija xi ħaġa storika għall-klabb tagħna, u dan grazzi għall-impenn u l-kwalità tal-plejers, għax flimkien niffurmaw grupp tajjeb li qed nuru livell għoli u tassew ninsabu kburin kif qed nirrappreżentaw ruħna f’kull logħba.
X’inhuma l-għanijiet tagħkom għal dan l-istaġun?
L-għan tagħna għal dan l-istaġun, kif semmejt qabel, huwa li nippruvaw intejbu r-riżultati tal-istaġuni li għaddew, u ngħollu l-livell tal-klabb kemm jista’ jkun, ikollna l-istil tagħna ta’ kif nilagħbu fejn il-plejers iħossu li għandhom identità u li jkunu kompetittivi f’kull logħba, li l-plejers tagħna jikbru f’valuri umani u wkoll dawk fil-futbol, u li fl-aħħar tal-istaġun naraw li kull individwu għamel progress.
X’tista’ tgħid dwar il-kumitat ta’ Swieqi United FC immexxi mill-president Dr Justin Fenech?
Il-President Justin Fenech flimkien mal-kumitat huma nies b’viżjoni u passjoni kbira. Swieqi huwa klabb li kontinwament qed jikber b’organizazzjoni tajba u bażi soda ħafna. Huwa klabb żagħżugħ b’ħafna attivitajiet, li jemmnu li jistgħu jagħtu ċans lil ħafna talenti żgħar, u nemmen li fi ftit żmien il-klabb tagħna ser ikun wieħed mill-aqwa fuq livell nazzjonali.
X’inhi d-differenza bejn il-BOV Challenge League u l-Malta Premier?
Waħda mid-differenzi hi l-budget u n-numru ta’ barranin li għandu l-klabb ikkumparat mal-isfida tal-Premier League. Kieku jkollna nikkumparaw il-livell tal-futbol illum, il-logħob fiċ-Challenge League huma ta’ livell ogħla minn staġuni oħrajn, u naraw li ħafna plejers li lagħbu qabel fil-Premier League issa qed jagħmlu parti miċ-Challenge teams. Dan jagħmel il-kampjonat aktar interessanti u kompettittiv għal kulħadd b’mod ġenerali. Il-logħob fil-Premier League huma aktar tattiċi, u dawk fiċ-Challenge League huma aktar fiżiċi.
Kif rajt il-livell tal-futbol Malti jinbidel matul is-snin?
Il-livell tal-futbol Malti fl-opinjoni tiegħi tjieb ħafna, u dan grazzi għall-metodi ġodda li l-MFA qed timponi biex il-klabbs ikollhom aktar struttura professjonali. Il-livell tal-kowċis ukoll tjieb ħafna, u dan jgħin biex ikollna aktar logħob attraenti, u ħafna mill-plejers Maltin li huma parti mill-klabbs tal-malta Premier huma issa aktar professjonali u dan jgħolli l-prestazzjoni, nittama li fil-futur qarib naraw aktar talenti lokali jitħarrġu u wkoll jilagħbu barra, għax dan mhux biss itejjeb il-livell tal-klabbs imma wkoll fuq livell nazzjonali.
X’taħseb fuq ir-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?
Dik hija l-ikbar problema llum, kull klabb għandu jkollu l-grawnd tiegħu fejn jitħarrġu, nifhem li hemm problema tal-ispazju, għax din hija gżira żgħira, imma huwa important li kieku l-Gvern u l-awtoritajiet jgħinu lill-klabbs li jridu jagħmlu l-affarijiet bis-serjetà u jmexxu l-proġetti tagħhom. Illum ħafna mill-klabbs għandhom kirjiet għolja u wkoll il-ħinijiet u l-ispazju mhuwiex ideali meta kkumparat ma’ klabbs aktar professjonali. L-awtoritajiet iridu jifhmu l-importanza tal-isports u l-iżvilupp b’mod ġenerali għal kull atleta, il-klabb ma jiffurmax biss footballers u attivitajiet oħra, imma nies b’valuri sodi li aktar tard ser jiffurmaw is-soċjetà.
Kif qed tara l-futur tiegħek fil-futbol?
Nittama li l-futur tiegħi fil-futbol jibqa’ jikber, għax huwa importanti li tibqa’ titgħallem, tgħix esperjenzi differenti, titjieb ma’ kull ġurnata, titgħallem minn mumenti diffiċli, u żżomm saqajk mal-art anke waqt xi rebħa, u tara li l-bilanċ huwa ideali. Huwa wkoll important li ma tinsiex li f’kull tim l-atturi prinċipali huma dejjem il-plejers.
Għaddi messaġġ finali lil dawk li jixtiequ jagħmlu karriera ta’ suċċess permezz tal-futbol.
Il-messaġġ tiegħi għal dawk kollha li jixtiequ jsiru futbolers hu li jemmnu fl-abiltajiet tagħhom, li jaħdmu bis-sħiħ, li jagħmlu l-affarijiet b’dedikazzjoni u passjoni, li tkun lest li tikser il-limiti tiegħek, u ma tħalli lil ħadd jiddeċiedi għalik, u mbagħad kollox jiġi waħdu!