L-azzjoni legali li l-Għaqda tal-Kampjonati Eworpej u l-union dinjija FifPro fetħu kontra l-FIFA ġiet estiża biex tinkludi wkoll dak li huma sejħu “mġieba abbużiva” lejn il-football tan-nisa.
L-Għaqda tal-Kampjonat Ewropej, li tirrappreżenta 53 kampjonat professjonali u aktar minn 1,300 club f’34 pajjiż, kienet ressqet ilment quddiem il-Kummissjoni Ewropea f’Ottubru 2024. L-ilment oriġinali kien jikkonċerna l-kalendarju internazzjonali tal-football tal-irġiel u allegat abbuż minn pożizzjoni dominanti mill-FIFA.
Issa l-organizzazzjoni qed tespandi l-ilment tagħha biex tinkludi d-deċiżjonijiet tal-FIFA dwar il-kalendarju internazzjonali tan-nisa.
L-Għaqda tal-European Leagues sostniet li l-aġir tal-FIFA jista’ jhedded it-tkabbir u s-sostenibbiltà finanzjarja tal-kampjonati professjonali tan-nisa, kif ukoll is-saħħa u l-benesseri tal-plejers.
L-organizzazzjoni akkużat lill-FIFA li għandha kunflitt ta’ interess minħabba li taġixxi kemm bħala korp regolatorju kif ukoll bħala organizzatur ta’ kompetizzjonijiet.
Il-FIFA, min-naħa tagħha, qalet li tippreferi d-djalogu milli azzjoni legali u li dejjem tinsab lesta għal ftehim. Il-korp jinsab taħt pressjoni wkoll minħabba l-pjan kontroversjali ta’ Gianni Infantino biex jinbiegħu ishma f’kompetizzjonijiet tal-FIFA lil investituri privati.
Infantino, li ilu president mill-2016, mistenni jikkontesta għal mandat ieħor f’Marzu.




