Monday, April 28, 2025

Għalija, il-HYROX mhijiex biss kompetizzjoni imma hija sfida personali fejn nixtieq li nibqa’ naħdem, sakemm tagħtini saħħti – Glenn Tanti Cuschieri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-HYROX?

Kienu kollegi tax-xogħol u ħbieb tiegħi li introduċewni għall-HYROX. Laqatni mal-ewwel il-fatt li l-HYROX hija test eċċellenti għall-atleti li jħobbu l-functional training u l-endurance, għax jgħaqqad ħiliet minn diversi dixxiplini sportivi. Huwa sport li jiġbed nies minn kull sfond atletiku.

X’unuri prinċipali ksibt s’issa f’dan l-isport li tant tħobb?

Għalkemm s’issa għadni ma ksibtx unuri fuq livell internazzjonali, kull kompetizzjoni għalija hi pass importanti fil-vjaġġ tiegħi bħala atleta. F’Diċembru tal-2024, ipparteċipajt fil-HYROX Open Men Category f’Marseille. Hemmhekk għamilt personal best ta’ 1:02:21 u kklassifikajt fit-8 post fil-kategorija tiegħi. Fl-istess avveniment, flimkien ma’ Dzintra Grech, Alister Camilleri u Louise Pisani, ħadna sehem fil-HYROX Mixed Relay u rnexxielna niksbu l-ewwel post. Riċentement, waqt il-HYROX Challenge organizzata minn Jungle Box X Warehouse ġewwa Campus Hub, ipparteċipajt f’tliet kategoriji: • HYROX Pro Men – ħames post overall b’ħin ta’ 1:07:55 • HYROX Mixed Doubles ma’ Leanne Sciberras – ħin ta’ 57:59 u t-tielet post • HYROX Men’s Doubles ma’ Daniel Brincat – ħin ta’ 52:58 fejn irbaħna l-kategorija Dawn l-esperjenzi komplew isaħħu mhux biss l-interess tiegħi lejn l-isport, imma wkoll id-determinazzjoni li nkompli nipprogressa.

Kif tqis il-livell tal-HYROX f’pajjiżna bħalissa? U x’tista’ tgħid dwar ir-riżorsi ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet uffiċjali?

Il-livell tal-HYROX f’Malta qed javvanza b’mod kostanti u jersaq dejjem aktar lejn dak internazzjonali. Għandna atleti li jinsabu biss pass ’il bogħod milli jikkompetu mal-aqwa fid-dinja. L-interess qed jiżdied, u l-komunità sportiva lokali qed turi impenn sinifikanti b’mod professjonali, kemm f’termini ta’ taħriġ kif ukoll ta’ kompetizzjonijiet. Dan qed iwassal biex jinħolqu ċirkustanzi li jinkoraġġixxu l-atleti jtejbu l-livell tagħhom kontinwament. Madankollu, għad hemm lok għal titjib – speċjalment jekk irridu noħolqu struttura fejn l-atleti jkunu jistgħu jikkunsidraw il-HYROX mhux biss bħala passjoni, imma wkoll bħala karriera professjonali. B’aktar investiment fir-riżorsi, faċilitajiet, u opportunitajiet ta’ espożizzjoni internazzjonali, nemmen li Malta tista’ ssir ċentru reġjonali għal dan l-isport li qed jikber.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-HYROX? U x’messaġġ finali tixtieq twassal lil min jixtieq jibda dan il-vjaġġ tant interessanti?

Għalkemm m’għadnix żgħir, nemmen li għad għandi ħafna energija x’noffri lejn dan l-isport. Għalija, il-HYROX mhijiex biss kompetizzjoni imma hija sfida personali fejn nixtieq li nibqa’ naħdem, sakemm tagħtini saħħti. Bħala missier ta’ familja b’żewġt itfal, kull minuta għandha valur, imma tgħallimt li jekk tuża l- ħin b’għaqal u b’dedikazzjoni, tista’ ssib ħin għal dak kollhu li tipprijoritizza fil-ħajja tiegħek. L-importanti hu li ma taqtax qalbek, speċjalment meta r-riżultati ma jkunux kif mistennija, temmen fik innifsek, u tagħmel pass żgħir kuljum. Huma dawk il-passi żgħar, li maż-żmien, jwasslu għall-bidla akbar. Il-messaġġ tiegħi hu dan: jekk għandek passjoni vera għal xi ħaġa, m’hemmx xkiel li jista’ jwaqqfek, anke jekk it-triq tkun twila u diffiċli. Ibqa’ miftuħ għat-tagħlim, ħu l-kritika bħala motivazzjoni, u kun konsistenti. L-isforz u l-impenn tiegħek, xi darba, jagħtu l-frott!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport