Wednesday, July 24, 2024

GĦALL-OMMIJIET LI M’GĦADHOMX MAGĦNA… IL-LEGAT TAGĦHOM IMSAWWAR FINA MA JMUT QATT

Aqra wkoll

Il-ħajja hija ċiklu u omm tagħti l-ħajja lil ulied biex ikunu l-ġenerazzjoni l-ġdida. Trabbihom, tindukrahom u tgħallimhom dak kollu li taf biex ittella’ rġiel u nisa responsabbli għas-snin ta’ wara. Snin li hija mhux se tkun magħhom għal dejjem għax tgħaddi għall-ħajja l-oħra. Dan huwa ċiklu fejn min jitwieled u min imut.

F’dan il-jum tant speċjali li ta’ Jum l-Omm li qegħdin niċċelebraw illum, ilkoll ningħaqdu fil-familji u fis-soċjetà biex nuru l-apprezzament għal dik il-figura tant għażiża u importanti – l-omm. Huwa f’dan il-jum li nirringrazzjawhom b’mod speċjali għal dak kollu li ta’ kuljum, b’tant dedikazzjoni, kull omm tagħmel għal uliedha. F’dan il-jum però, hemm ommijiet li m’għadhomx magħna u għalkemm nixtiequ ngħanquhom u ngawduhom imqar għal ftit mumenti, ma nistgħux.

L-ommijiet huma s-sinsla tal-familja u n-nuqqas tagħhom jinħass bil-kbir. L-ewwel kelma li ngħidu meta nweġġħu jew nibżgħu hija ‘ma’ u dan għas-sempliċi raġuni li kull wieħed u waħda minnha, kbar jew żgħar, infittxu lil ommna f’mumenti bħal dawn u prattikament fil-mumenti strumentali kollha ta’ ħajjitna.

It-telfa hija dejjem iebsa imma t-telfa tal-omm hija akbar. Però, għal dawk li tilfu l-ommijiet tagħhom nemmnu li dan il-jum jista’ jkun speċjali għalihom ukoll. Speċjali billi infakkru lill-ommijiet li m’għadhomx magħna kemm fil-ħsibijiet tagħna, kif ukoll mal-bqija tal-familja billi ningħaqdu bilqiegħda flimkien u nġeddu l-memorji ta’ dik l-għażiża omm. Minkejja li omm tmut, din tibqa’ ħajja fl-ulied li rabbiet. Ħajja f’ġenerazzjoni ġdida li tant ħadmet u batiet biex rabbiet.

L-omm ma tmut qatt għax tgħix f’uliedha. Tgħix f’dak kollu li għallmithom u f’dak li sawret fihom. Illum infakkru lill-ommijiet li għalkemm fiżikament m’għandhomx magħna, ħallew rikordji sbieħ kif ukoll tagħlim li l-ġenerazzjonijiet il-ġodda għad jgħaddu lil uliedhom inklużi lil ommijiet żgħażagħ tagħna li bħalma għamlu l-ommijiet ta’ qabilhom, qegħdin ta’ kuljum jagħmlu ħilithom biex huma wkoll itellgħu ulied nies għal soċjetà Maltija b’saħħitha.

Minn hawn aħna nirringrazzjaw lil kull omm. Nirringrazzjaw lill-ommijiet li llum għandhom il-grazzja li jiċċelebraw Jum l-Omm ma’ wliedhom u mal-familji tagħhom, kif ukoll nirringrazzjaw lil dawk l-ommijiet li m’għadhomx magħna. Ommijiet li l-legat tagħhom imsawwar fina, ma jmut qatt. Grazzi ommijiet.

Ekonomija

Sport