Friday, January 31, 2025

GĦANDNA NAPPREZZAW ĦIDMET IL-PULIZIJA

Aqra wkoll

Ix-xogħol tal-Pulizija huwa dak li jassiguraw l-ordni fil-pajjiż. Għaldaqstant, għandhom ir-responsabbiltà li jiżguraw is-sigurtà taċ-ċittadini kollha. Bla dubju xogħol il-Korp huwa wieħed skabruż u xi drabi anke perikoluż għal saħħithom u għal ħajjithom. Forsi jista’ jagħti l-każ ukoll li din hija waħda mir-raġunijiet li ż-żgħażagħ ma tantx jitħajru għal xogħol bħal dan.

Minkejja li jsir kull sforz min-naħa tal-Pulizija biex iżommu mal-ordni, b’danakollu xorta għad hawn min li jipprova jċekken jew inaqqas mill-mertu tal-ħidma li jagħmlu l-membri tal-Korp. Ilkoll nafu li mhux l-ewwel darba kien hawn min ikkritika u min ipprova jiżżufjetta bil-Pulizija. Dan huwa ta’ għajb mhux biss għal min jgħidu imma wkoll għax jiskoraġixxi lill-membri tal-Korp. Biss biss, wieħed irid japprezza li f’dawn l-aħħar snin il-pulizija rnexxielha ssolvi l-każi t’omiċidji kollha.

Min-naħa l-oħra, dan ix-xahar il-Korp tal-Pulizija kompla jissaħħaħ bid-dħul ta’ 50 kuntistabbli li temmew b’suċċess il-kors mandatorju ta’ taħriġ għar-rekluti, liema ta’ min jirrimarka li terz mill-membri ġodda huma nisa. U fil-kuntest ta’ dan kollu, naqblu ma’ dak li qal il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri, illi hekk kif is-soċjetà tagħna tinbidel, il-Korp tal-Pulizija jeħtieġ jinbidel ukoll sabiex mhux biss jirrifletti s-soċjetà iżda wkoll trends ġodda fil-kriminalità. 

Ninnutaw ukoll kif f’pajjiżna naqset ir-rata ta’ kriminalità fejn 20 sena ilu, għal kull 1,000 persuna kien hemm 45 każ ta’ kriminalità, rata li llum niżlet għal 30 każ għal kull 1,000 persuna. Ma ninsewx ukoll ċ-ċertifikat li pajjiżna ngħata mill-World Justice Project Rule of Law Index fejn Malta tpoġġiet mal-ewwel għaxar pajjiżi minn 142 pajjiż fejn tidħol l-ordni u s-sigurtà liċ-ċittadin. Dan kollu jirrifletti s-suċċess li qed ikollu l-Korp tal-Pulizija sabiex jiġġieled il-kriminalità moderna.

Il-pulizija aktar minn qatt qabel illum huma armati b’faċilitajiet li jwassluhom iwettqu ħidmiethom b’aktar effiċjenza u fil-pront. Għalhekk, kien ta’ sodisfazzjon li kif kien jixraq, dawn ingħataw drittijiet ġodda partikolarment dik li jissieħbu f’unjin tal-għażla tagħhom. Il-ħidma tal-pulizija kienet apprezzata tant li dawn bdew jitħallsu wara ħafna snin tas-sigħat li jaħdmu f’sahra jew meta jkunu off-duty. Dan ikompli jagħti aktar dinjità lil kull membru tal-korp.

Għalhekk, wara li għedna dan kollu, nemmnu li kull membru tal-korp għandu jingħata kull tifħir u inkoraġġiment għall-ħidma tiegħu għax b’hekk biss il-poplu jkollu moħħu mistrieħ li s-sigurtà tiegħu qed tkun imħarsa lejl u nhar, anke permezz tal-kunċett tal-community policing.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport