Wednesday, April 24, 2024

GĦAQAL FIT-TQASSIM TAL-IKBAR PAKKETT TA’ FONDI EWROPEJ

Aqra wkoll

Forsi ħafna minna semgħu dwar ir-reżiljenza ekonomika ta’ pajjiżna b’mod speċjali quddiem l-isfidi kbar internazzjonali riċenti bħalma kienu l-pandemija u l-gwerra fl-Ukrajna li hekk kif tinsab riesqa lejn l-ewwel sena mill-bidu tagħha ftit li xejn jidher li wasalna biex tissolva l-kobba mħabbla li bdiet is-sena li għaddiet mal-ewwel attakki fuq l-Ukreni. Iżda xi tfisser fil-verità li tkun reżiljenti u kif nistgħu ngħidu li aħna bqajna reżiljenti meta fil-verità nistgħu nbatu minn diversi aspetti anke minħabba l-pożizzjoni ġeografika ta’ pajjiżna?

Li pajjiż jasal biex idawwar il-previżjoni li kien se jispiċċa mifni fil-qgħad, għal l-inqas rata ta’ qgħad fl-istorja nemmnu li hija biss waħda mir-riżultati li permezz tagħhom nistgħu nkejlu din l-istess suċċess.

Nemmnu li ċ-ċavetta ta’ dan kollu kienet l-għajta ta’ dan il-moviment Laburista li fl-aħħar snin ħass il-polz taċ-ċittadin u sema’ x’ried minnu. Wara snin taħt gvern Nazzjonalista, il-poplu semma’ leħnu minħabba inġustizzji li kien qiegħed iħoss itaqqluh bħalma kienu ż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u bħal donnhom l-aħħar elezzjonijiet jistgħu jikkonfermaw li dar fuq gvern li kien lest jisimgħu. Mhux se niffukkaw fuq id-diversi għajnuniet u benefiċċji li qassam dan il-gvern sa mill-ewwel jum tiegħu fit-tmexxija, iżda tajjeb li ninnutaw li saret ħidma u progress dwar kif jitqassmu dawn l-għajnuniet.

Il-gvern jirrikonoxxi l-bżonn li pajjiżna jingħata l-fondi Ewropej li jservu biex bl-aktar mod għaqli dawn jitqassmu kollha skont il-kriterji ta’ dawk li huma intitolati għalihom.

Iżda s-serjetà ma tiqafx hemm. Fid-diskors tiegħu s-Segretarju Parlamentari Chris Bonnett waqt li ħabbar pakkett ta’ aktar minn €2 biljun f’fondi Ewropej qal li l-impenn huwa li l-gvern b’dawn il-fondi jkun dejjem aktar qrib tan-nies, huma minn huma, ġejjin mil-liema faxxa fis-soċjetà. Huwa appella lil dawk li jemmnu li l-istorja tagħhom m’għandhiex biżżejjed bażi biex japplikaw u jkunu jistgħu jibbeneifikaw minn dawn il-fondi biex ifittxu l-għajnuna offruta mingħajr ħlas u jkun hemm li tinqata’ l-kundanna jekk dawn għandhomx jibbenefikaw. Hawnhekk infaħħru l-mod ta’ kif dan il-proċess ta’ assistenza kien simplifikat tant li fl-istess konferenza ġie mniedi s-sit fondi.eu li ġabar fih sitt siti elettroniċi preċedenti f’sit wieħed aġġornat u informattiv.

Ninnutaw ukoll dak li ktibna diversi drabi dwaru fil-ġurnal tagħna u l-bżonn ta’ aktar investiment f’dawk li jitimgħuna. Dan insibuh fil-Common Agricultural Policy Strategy Plan li b’investiment ta’ €167 miljun, pajjiżna se jkun jista’ jgħin fil-provvista u l-ħażna tal-ikel u tħares id-dħul finanzjarju tal-bdiewa, raħħala u sajjieda. Nifhmu l-ħsieb ta’ iktar investiment f’makkinarju li jista’ jgħin lil dawn il-ħaddiema tagħna biex ikomplu jimrħu fis-settur u dan huwa pass ’il quddiem. Madanakollu tajjeb li nżommu f’moħħna li minbarra fondi, dawn in-nies għandhom bżonn l-apprezzament u jeħtieġ li l-gvern jimbotta iżjed lin-nies biex jagħżlu l-prodott lokali. Nemmnu li hija pjuttost tat-tħassib li f’ċirkolari mibuta lir-raħħala li ġiet żvelata fil-midja, ir-raħħala ġew imwissija li l-prezz tal-ħalib se jkun ta’ milleżmu għal kull litru ħalib li jiddaħħal ’il fuq mill-kwota “minħabba sitwazzjoni diffiċli” li tinsab fiha l-kumpanija.

Nemmnu li sar ħafna biex pajjiżna rnexxielu jikseb l-ikbar ammont ta’ fondi Ewropej fl-istorja, iżda nemmnu wkoll li għall-ħaddiem tagħna, ‘Charity begins at home’ u għalhekk jeħtieġ li ngħinu lil dawn li fittixna fl-aktar żminijiet ta’ tħassib bl-ikbar mistoqsija tkun x’se nieklu jekk kemm-il darba pajjiżna jibda jbati minħabba l-fatt li aħna gżira u niddependu kważi għal kollox fuq l-impurtazzjoni biex ngħixu.

Sport