Thursday, December 26, 2024

GĦAWDEX JIBQA’ ĠAWHRA TURISTIKA

Aqra wkoll

It-turiżmu lejn Għawdex qabad ritmu pożittiv wara l-irkupru mill-pandemija tal-Covid-19. Dan juri li Għawdex qed ikompli jikber bħala destinazzjoni turistika kemm għall-Maltin kif ukoll għall-barranin. Saħasitra anke vapuri tal-passiġġieri qed jagħmlu waqfiet qrib din il-gżira biex il-passiġġijeri jkollhom idea aħjar ta’ x’joffru l-gżejjer Maltin fil-qasam turistiku.

Minkejja dan l-iżvilupp pożittiv, b’danakollu jidher li hemm xi diffikultajiet li għadhom qed jesperjenzaw l-operaturi turistiku fil-gżira t’Għawdex. Tant li minn stħarriġ li sar mill-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) bosta operaturi qalu li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena rrapportaw li kellhom inqas dħul.

Nifhmu li r-raġunijiet dwar x’wassal għal dan jistgħu jkunu diversi. Għa;lhekk jeħtieġ li tinstab soluzzjoni għal dawn fil-futur immedjat. L-importanti iżda huwa li l-prodott offrut lit-turist għandu jkun ta’ kwalità u li jħalli valur adegwat għall-flus li turist ikun nefaq. Ma nistgħux nonqsu milli nżommu quddiem għajnejna li Għawdex għandu karatteristiċi uniċi u differenti minn Malta. U l-ħtieġa li Għawdex jibqa’ jżomm dawn il-karatteristiċi tiegħu huwa kruċjali jekk irid jibqa’ jiġbed lejh aktar turisti, sew barranin u anke Maltin.

Wieħed irid jagħti każ ukoll il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer li kompliet titjieb bis-servizz tal-fast ferry, li kompla jikkumplimenta t-traġitti tradizzjonali li jsiru ta’ kuljum mill-Gozo Channel.

Li wieħed jilmenta mingħajr ma jieħu azzjoni ma jsolvi ebda problemi. Għawdex, bħal Malta, għandu ħafna x’joffri lil dawk li jżuruh kemm f’oqsma kulturali, storiċi u anke bl-għadd ta’ attivitajiet li qed ikunu organizzati regolarment b’mod tajjeb ħafna.

Minn dak li jidher, dan jawgura tajjeb għal ġejjieni aħjar kemm-il darba l-investiment fl-oqsma kollha jibqa’ jkun sostnut u l-istakeholders involuti jaħdmu flimkien biex ikomplu jtejbu mhux biss il-kwalità tas-servizzi offruti imma anki l-ambjent.

Għalhekk nistqarru bla tlaqlieq l-apprezzament tagħna għall-azzјoniјiet u miżuri ta’ infurzar li qed jittieħdu fejn jinstab li hemm abbuż. Dan ngħiduh b’riferenza għat-tqegħid ta’ mwejjed u siġġijiet eċċessivi f’toroq u pjazez anki tal-gżira Għawdxija.

Ma nistennewx li jerġa’ jiġri dak li ġara fi Pјazza San Ġorġ fir-Rabat Għawdex, fejn kien qed tinħoloq sitwazzјoni inaċċettabli u ta’ nkonvenjent minħabba l-għadd ta’ l-imweјјed u siġġiјiet li jinħarġu barra.

L-infurzar raġunat huwa meħtieġ biex igawdi kulħadd u ma jbati ħadd.

Ekonomija

Sport