Thursday, May 16, 2024

Għawm waqt konsum ta’ alkoħol jista’ jkun ta’ periklu

L-FSWS twissi li l-konsum eċċessiv ta’ alkoħol inaqqas l-abiltajiet mentali u fiżiċi tal-persuna

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Is-sajf daħal sewwa u wara sentejn ta’ restrizzjonijiet minħabba l-pandemija tal-Covid-19, kien mistenni li n-nies jerġgħu jibdew joħorġu u jgawdu “ftit iżjed” biex ipattu għal dak li tilfu. Filwaqt li dan huwa raġonevoli, wieħed irid iżomm f’moħħu li ladarba, fortunatament, “skappa” l-mewt mill-virus, issa ma jridx imur fl-estrem f’attivitajiet rikreattivi li jistgħu jkunu perikolużi ħafna. Illum Talk.mt irid iqajjem għarfien dwar dak li qiegħed jiġri f’parties matul il-lejl fuq dgħajjes li fihom qegħdin jingħaqdu ż-żgħażagħ jiżfnu mad-daqq ta’ mużika b’aċċess għal xorb alkoħoliku u xi għawma fil-baħar fost affarijiet oħra.

Minn ritratti li jitilgħu fuq is-sit tal-organizzaturi stess ta’ dawn il-parties jidher ċar u dan mhux f’okkażjoni waħda, li x-xorb tal-alkoħol minn uħud mill-mistednin qiegħed isir b’mod eċċessiv, f’xi każi anke direttament mill-flixkun f’ħalq il-klijenti. 

Jista’ jirriżulta wkoll f’imġiba agressiva…

Mingħajr ma nidħlu fuq il-kwistjoni li f’dawn il-parties hemm galor u taħlit fil-kamp sentimentali, li qiegħed jinkwieta lil xi ġenituri li lmentaw magħna huwa l-possibbiltà ta’ periklu serju, anke għal ħajjet, ta’ dawk iż-żgħażagħ li jistgħu jkunu f’sakra li ma jarawx art u minkejja din il-possibbiltà, jaqbżu jgħumu fil-baħar.

Dan is-sit talab kumment mingħand il-Fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali (FSWS) fir-rigward u staqsejna jekk jaħsbux li għawm fis-sakra huwiex fil-fatt perikoluż. Din il-Fondazzjoni kkonfermat li, “il-konsum eċċessiv tal-alkoħol huwa definittivament perikoluż fis-sens li jnaqqas l-abiltajiet mentali u fiżiċi tal-persuna. Dan jista’ jirriżulta wkoll f’imġiba li tista’ tkun aggressiva filwaqt li jnaqqas r-riflessi tal-persuna. F’kuntest bħal dan wieħed jista’ jkun ta’ periklu jew isib diffikultà fil-baħar”.

Mistoqsija dwar il-kampanji li jsiru minn din il-Fondazzjoni stess fil-ġlieda kontra l-abbuż u l-vizzju tal-alkoħol, il-kelliem qalilna li, “filwaqt li kampanji preventivi, fosthom dawk li jiġu offruti mill-Aġenzija Sedqa, jintlaqgħu tajjeb ħafna kemm mill-ġenituri u anke miż-żgħażagħ, xorta waħda jinħass il-bżonn ta’ moviment ħolistiku mill-isferi kollha tas-soċjetà biex jiġu kreati aktar spazji ta’ rikreazzjoni u organizzati għaż-żgħażagħ”. 

“Xorta waħda jinħass il-bżonn ta’ moviment ħolistiku mill-isferi kollha tas-soċjetà biex jiġu kreati aktar spazji ta’ rikreazzjoni u organizzati għaż-żgħażagħ”

Trobbija bilanċjata u deċiżjonijiet għaqlin

Il-messaġġ lill-ġenituri inkwetati huwa li għandhom ikunu konsistenti fejn tidħol it-trobbija ta’ wliedhom billi jinħoloq bilanċ bejn dixxiplina, aċċess rikreattiv u d-deċiżjonijiet ta’ rikreazzjoni b’saħħithom. Il-Fondazzjoni qalet li komunikazzjoni b’saħħitha u miftuħa twassal għal ħsieb aktar infurmat u deċiżjonijiet aktar għaqlin għall-benesseri ta’ kulħadd.

Min-naħa tagħha l-FSWS temmet tgħid li, “bħala Aġenżija aħna nibqgħu kommessi li nikkollaboraw ma’ kull min għandu għal qalbu l-ġid tas-soċjetà, inizjattivi li jsaħħu l-elementi fil-karattru tal-persuna biex dawn tal-aħħar ikunu f’pożizzjoni li jieħdu deċizjonijiet għaqlin għalihom infushom”.

Sport