Saturday, December 28, 2024

Għerien Ħida

Aqra wkoll

Għerien Ħida jinsabu fuq il-Wied tal-Pwales. Ħdejn dawn l-għerien ma mort qatt. Imma minn dak li qrajt jidher li jiffurmaw parti minn kampanja sabiħa. Fil-jiem li għaddew kienu f’qofol ta’ kontroversja wara li l-Awtorità tal-Ippjanar tat permess biex fl-inħawi jinbnew sitt vilel, erba’ swimming pools u numru ta’ ħitan tas-sejjieħ. Dawn flok struttura dilapidata li hemm u li żmien ilu kienet magħrufa bħala Sunshine Tourist Complex.

Qrajt li attwalment kien inħareġ permess fl-1974 biex issir binja, dar, u fis-sena 1991 inħareġ permess ieħor biex tinbena ‘terraced house’. Kien hemm l-oġġezzjonijiet dwar l-applikazzjoni għall-bini tas-sitt vilel, fosthom mill-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li mit-territorju tiegħu jifforma parti l-post inkwistjoni.

Id-Direttorat tal-Ippjanar qal li skont ir-Rural Policy and Design Guidelines tas-sena 2014 la darba l-bini li hemm huwa kopert bil-permess tal-bini u l-iżvilupp propost ma jaqbiżx l-ammont ta’ art li fuqha hemm il-binja eżistenti allura l-applikazzjoni mhix oġġezzjonabbli. Fir-rapport dwar l-applikazzjoni ngħad li l-Awtorità tal-Ippjanar tippermetti li jkunu rijabilitati jew li jinbidel l-użu ta’ strutturi li qegħdin barra mill-area ta’ żvilupp (ODZ).

Il-kontro-argument għal dan kien li għalkemm kienu nħarġu permessi fil-passat l-applikazzjoni kellha tkun kunsidrata fuq il-merti tagħha stess u ma jistgħux ikunu injorati policies kurrenti li qegħdin hemm biex jassiguraw li nħawi rurali ma jkunux sfruttati b’użu li mhux leġittimu jew meħtieġ, aktar u aktar meta dak li hemm fuq is-sit illum huwa struttura dilapidata u mhux residenza.

Nerġa’ ngħid dak li qed nikkwota huwa minn dak li qrajt. Ma kontx preżenti meta kienet diskussa l-applikazzjoni inkwistjoni. U lanqas se nidħol fil-mertu tal-każ, imma nixtieq li nqajjem ftit punti.

F’każ kontroversjali bħal dan, meta allura meta tqis kif irriżulta l-vot, li ma kienx unanimu, l-Awtorità tal-Ippjanar ma taħsibx li kellha toħroġ stqarrija biex tispjega fid-dettall x’wassalha biex tagħti l-permess mitlub?

La darba l-vot ma kienx unanimu favur il-ħruġ tal-permess nemmen li dawk li vvutaw kontra għamlu dan fuq bażi raġunata. Allura għaliex għandu jkun hemm lok ta’ interpretazzjonijiet differenti tar-regoli? Jew ġustifikat jew mhux.

La darba l-istruttura li hemm bħalissa hija waħda dilapidata u dak li intalab li jinbena flokha huwa totalment differenti minn dak li oriġinarjament għalih inħareġ permess, ma taħsibx l-Awtorità tal-Ippjanar li għandha tirrakkomanda li toqob bħal dawn fil-liġijiet għandhom jingħalqu?

Ħruġ ta’ permess bħal dan jista’ jintuża bħala preċedent biex jintalbu aktar permessi għal aktar bini fl-inħawi?

U la qiegħed nirreferi għal każ f’territorju Mellieħi xtaqt inġib għall-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati tħassib dwar biċċa art partikolari fil-Mellieħa li jidher li s’issa ma kienx hemm il-ħsieb li jinħarġu permessi għal bini fuqha u li hija ideali għal ġnien pubbliku. Ħabib tiegħi rrimarkali li l-qasba qegħda ċċaqċaq li jidher li se jkun hemm bdil fil-ħsieb dwar għandhomx jinħarġu permessi għall-bini jew le.

Anke hawn, l-affarijiet għandhom ikunu ċċarati mill-bidunett. Jekk l-art inkwistjoni hija f’żona li tista’ tinbena allura għandu jingħad hekk u mhux titħalla għaddejja ħafna spekulazzjoni u akkużi kontra dak u kontra l-ieħor.

[email protected]

Ekonomija

Sport