Monday, December 9, 2024

“Għinuna ħalli ngħinukom… jekk niddgħajfu aħna, tiddgħajjef is-sistema tas-saħħa u l-poplu jbati”

Aqra wkoll

Minn MELVIN FARRUGIA

“Għinuna ħalli nkunu nistgħu ngħinukom. Jekk niddgħajfu aħna, se tiddgħajjef is-sistema tas-saħħa u jekk jiġri dan il-poplu Malti se jbati.”

Dan kien il-messaġġ ta’ Patrick Vassallo, Emergency Ambulance Responder li tkellem ma’ Inewsmalta u stqarr li minkejja li ħafna nies qed jobdu d-direttivi tal-awtoritajiet tas-saħħa, xorta qed jaraw gruppi ta’ nies li jinjoraw it-twissijiet u jpoġġu ħajjithom u ħajjet ħaddieħor fil-periklu.

Patrick qal li fil-parti l-kbira tagħhom, in-nies japprezzaw ix-xogħol li qed jagħmlu. Jistqarr li l-kuraġġ li jagħmlulhom in-nies jgħollilhom il-moral u jkompli jagħtihom is-saħħa biex jaħdmu. Sostna li dawk li qed jobdu qed isibuhom bħal spalla warajhom u għalhekk il-messaġġ hu għal dik il-faxxa żgħira li tkompli ma tismax. Appella lil kulħadd biex jgħinu lill-ħaddiema fis-servizz tas-saħħa ħalli dawn ikunu jistgħu joffru s-servizz tagħhom. Spjega li jekk jimirdu l-ħaddiema tas-saħħa, allura se tiddgħajjef is-sistema tas-saħħa u jekk jiġri dan ibati l-poplu Malti.

Mistoqsi dwar kif kienet tkun il-ġurnata tax-xogħol tagħhom bl-ambulanzi, Patrick qalilna li xogħlu jinkludi li jsuq l-ambulanza u jieħu ħsieb lill-pazjent, flimkien mal-infermiera jew inkella ġieli anke waħdu. Spjega li qabel ma bdiet il-kriżi tal-COVID-19, il-ġurnata tax-xogħol tagħhom kienet tkun waħda mimlija wkoll. Semma kif eżempju matul il-lejl ikollhom każi bħal inċidenti, anzjani li jaqtgħu nifishom u partikolarment fi tmiem il-ġimgħa jkun hemm nies li jiskru u jkollhom joħduhom l-Emerġenza.

Spjega li bit-tixrid tal-virus, kompla żdied ix-xogħol apparti li poġġihom f’pożizzjoni fejn ma jkunux jafu min hu infettat. Spjega kif minħabba f’hekk, fuq livell personali, kellu jieħu d-deċiżjoni li jagħmel iżolament fid-dar stess mill-mara u ż-żewġt itfal tiegħu li għadhom żgħar ħafna. Barra hekk, qed jara kif se jagħmel biex sakemm jgħaddi kollox imur jgħix x’imkien ieħor jew inkella joħorġu mid-dar martu u wliedu. Qal li din hi iebsa għalih, bħalma hi wkoll iebsa li ilu erba’ ġimgħat ma jara lil ommu u jkellimha biss fuq it-telefon peress li hi anzjana.

“We stay here for you” … “Please stay home for us”: L-appelli minn ħaddiema fis-settur tas-saħħa

Rigward il-pazjenti, Patrick qal li huma ma jkunux jafu jekk humiex pożittivi għall-virus. Għalhekk spjega li qed jieħdu l-prekawzjonijiet kollha għax ma jkunux jafu x’se jsibu ma’ wiċċhom. Minħabba f’hekk, Patrick qal li dejjem jaraw x’tip ta’ PPEs iridu jilbsu ħalli jżommu ruħhom siguri. Sostna wkoll li bħalissa ttieħdet deċiżjoni li ma jtellgħux lanqas il-qraba tal-pazjent fl-ambulanza, kemm biex jipproteġu lill-pazjent, kif ukoll lilhom infushom għax inkella jkunu hemm ħafna nies f’post daqstant ristrett u fejn ma tistax iżżomm id-distanza.

Spjegalna wkoll li wara li jitniżżel pazjent mill-ambulanza din tiġi mnaddfa kollha kemm hi. Qal li hemm cleaners li qegħdin ikunu magħhom 24 siegħa kuljum u malli jidħlu jsejħulhom biex inaddfuha u jekk ikun hemm bżonn jagħmlu anke fumigazzjoni sħiħa tagħha. Filwaqt li rringrazzja lil dawn il-cleaners u lill-istaff kollu tal-ħidma li jagħmlu, Patrick qal li f’dawn il-mumenti ta’ tensjoni u stress li għaddejjin minnhom, kulħadd qed jibqa’ unit u jieħu ħsieb xulxin.

Intant, Patrick qal li bħalissa n-nies għandhom irwol importanti ħafna fil-ħajja u jridu jisimgħu. Sostna li llum hi festa u nzertat ġurnata sabiħa, madankollu qal li kulħadd għandu joqgħod ġewwa. Saħaq li ħafna nies jobdu d-direzzjonijiet, imma sfortunatament, anke waqt li jkunu xogħol, jaraw gruppi ta’ nies ‘l hemm u ‘l hawn. Qal li hu jħossha meta jara dan għax filwaqt li hu qed jagħmel sagrifiċċju li jmur mix-xogħol għad-dar u mid-dar għax-xogħol u qed jiċċaħħad mill-familja tiegħu, imbagħad jara gruppi u jistaqsi għalxiex qiegħed jaħdem.

Stqarr li fiżikament huma jinsabu b’saħħithom, però mentalment imkissrin għax għandhom ħafna ħsibijiet dwar x’se jieħdu magħhom lura d-dar, il-ħsieb li jridu jibqgħu b’saħħithom biex jgħinu lil ħaddieħor u l-ħsieb li l-pazjent jiddependi mis-servizz tagħhom.

Għalhekk, Patrick appella biex in-nies jobdu d-direttivi u joqogħdu ġewwa. Qal li hu wkoll jixtieq noħroġ u jgawdi l-familja, imma bħalissa ż-żmien jitlob li nobdu d-direttivi tal-awtoritajiet u noqogħdu ġewwa. Talab biex in-nies joħorġu biss għall-bżonn. Saħaq li flimkien irridu noħorġu minn din il-kriżi u jekk il-Bambin ingawdu s-sajf. Min-naħa l-oħra, qal li jekk se nibqgħu niżvijaw mid-direzzjonijiet, ir-riperkussjonijiet se jkunu itwal.

Għal Patrick hu ta’ sodisfazzjon li jirnexxilu jżomm pazjent stabbli u jieħu ħsiebu biex jasal l-isptar f’qagħda tajba u minn hemm iħallieh f’idejn tim impekkabbli ta’ infermiera u tobba li jibqgħu jagħtu l-attenzjoni u l-kura meħtieġa.

Ekonomija

Sport