Monday, December 23, 2024

GĦOLI TAL-ĦAJJA

Aqra wkoll

L-għoli tal-ħajja mhux se jinħall mil-lum għal għada. Qed jinfirex ma’ oqsma ekonomiċi sħaħ, wara li beda jinħass l-aktar f’dawk tal-ikel u tal-enerġija. 

Ingħatajna diversi raġunijiet għaliex ġara u qed jiġri hekk. Fil-biċċa l-kbira, il-kawżi li taw imbuttatura lill-prezzijiet seħħew b’mod indipendenti minn xulxin. X’aktarx li kull raġuni msemmija hi korretta. Kull waħda serviet separatament u b’mod kumplessiv biex toħloq l-inflazzjoni attwali. Se tkun ħaġa iebsa biex jinstab tarf tal-problema. 

Komplikazzjoni oħra tista’ tkun li l-għoli tal-ħajja donnu sar fenomenu għal kollox ġdid. Dawk li jridu jieħdu d-deċiżjonijiet ftit għandhom familjarjetà ma’ kif l-inflazzjoni tinxtered. Sa ftit taż-żmien ilu, l-esperti monetarji Ewropej kienu jitkellmu dwar kemm qed tkun diffiċli li jtellgħu l-inflazzjoni sa 2 fil-mija. Fi żmien ta’ prezzijiet ċassi, kienu jsostnu li bla niskata għoli tal-prezzijiet, l-ekonomiji jistaġnaw. Illum mhux niskata qed ikollhom – imma kuċċarun mimli.

LI JIDHER FTIT 

Fil-politika l-aktar li jitqanqlu huma t-temi u l-kontroversji l-“kbar”. Ta’ spiss ma nindunawx madankollu kif forsi l-akbar suċċessi politiċi – għax l-aktar li jikkontribwixxu għal titjib fil-kwalità tal-ħajja – huma dawk li l-anqas nitkellmu dwarhom.

Semmewli żewġ eżempji ta’ hekk. L-ewwel kien tad-dħul fostna taċ-ċinturini li jintlibsu meta tkun f’karozza. B’miraklu, li  tilbes dawn iċ-ċinturini saret użanza fostna, għalkemm għall-bidu qamet reżistenza sħiħa għall-miżura. 

L-eżempju l-ieħor jikkonċerna l-iskrining li jsir għall-kanċer tas-sider fost in-nisa. Mill-ġdid għall-bidu kien hemm xettiċiżmu dwar dil-proċedura. Illum hemm qbil li biha, qed jiġu salvati ħafna ħajjiet. 

It-tnejn huma riżultat ta’ ħidma politika għaqlija, għalkemm dan mhux rikonoxxut daqstant.

KIEKU…

Mhix kwistjoni biss ta’ “jekk sar ħażin qabel, allura għandu jibqa’ jsir ħażin ilum…?” – għalkemm bħala argument dan m’għandux jitwarrab.

Biss xi ħadd bħali, meta jisma’ ċerti ilmenti ma jistax ma jiġbidx ċertu tip ta’ konklużjoni. Ingħidu aħna – l-ilmenti dwar kif ix-xandir nazzjonali hu mmexxi b’mod “żbilanċjat” għax jippromwovi l-verżjoni tal-ħidma publika li xxaqleb l-aktar qrib tal-fehmiet tal-gvern. 

Bħallikieku mhux dejjem hekk ġara. Pereżempju fis-sentejn ta’ qabel Malta daħlet membru sħiħ tal-Unjoni Ewropea, ix-xandir nazzjonali kien ippernjat biex iwassal l-aktar messaġġi pożittivi possibbli dwar l-Unjoni Ewropea u biex jagħti l-perspettiva tal-gvern Nazzjonalista dwar l-andament tan-negozjati li kien għaddej bihom mal-Unjoni Ewropea.

Fir-referendum li organizza l-gvern dwar is-sħubija, l-maġġoranza ta’ voti favur bħala persentaġġ ta’ voti validi mitfugħa kienet l-iċken waħda mir-referenda li nżammu fil-pajjiżi li dak iż-żmien kienu appik li jsiru membri. X’kien jiġri kieku x-xandir nazzjonali ta’ dak iż-żmien kien tassew “bilanċjat”?

09 ta’ Ġunju 2022

Ekonomija

Sport