Thursday, March 28, 2024

L-istaġun tar-rebbiegħa kien iktar frisk milli mistenni

Aqra wkoll

Ir-rebbiegħa meterjoloġika f’pajjiżna intemmet pjuttost sħuna, hekk kif it-temperatura laħqet il-31.2°C fl-aħħar jum tax-xahar ta’ Mejju. Madankollu, b’mod ġenerali, l-istaġun kien aktar frisk milli mistenni, bit-temperatura medja tkun 0.6°C aktar baxxa min-norma staġjonali ta’ 16.8°C.

 It-temperatura tal-arja l-aktar baxxa tar-rebbiegħa kienet ta’ 6°C, u ġiet irreġistrata f’Marzu, li kien xahar ħafna aktar kiesaħ mill-medja. Din it-tendenza ġiet osservata wkoll f’April, b’temperatura tal-arja medja ta’ 0.6°C inqas min-norma għax-xahar. F’Mejju mbagħad it-temperatura medja kienet ta’ 20.5°C, jiġifieri nofs grad ogħla min-norma klimatika.

 Fl-għodwa tas-17 ta’ Mejju ġie osservat ċpar oħxon, li rriżulta mill-moviment ta’ arja li kienet qed tisħon fuq baħar pjuttost aktar frisk. Filwaqt li t-temperatura medja ta’ wiċċ il-baħar għal Mejju kienet grad ogħla min-norma, xorta kienet 1.1°C aktar baxxa mit-temperatura medja tal-arja. Iċ-ċpar li ġie osservat kien wieħed minn tliet istanzi li fihom ġie osservat dan il-fenomenu tat-temp matul ir-rebbiegħa meteoroloġika.

Wara xahrejn li kienu inqas xemxin min-norma, Mejju qabeż il-kwota ta’ 307.2 sigħat xemxin bi 18-il siegħa, hekk kif il-kopertura tas-sħab għax-xahar kienet kemxejn aktar baxxa min-norma għal dan iż-żmien tas-sena. Matul ir-rebbiegħa meteoroloġika tkejlu ftit aktar minn 717-il siegħa xemxin, total li kien aktar baxx min-norma staġjonali ta’ kważi 785 siegħa xemxin.

Mejju kien differenti mix-xahrejn ta’ qablu anki għaliex ipproduċa aktar xita milli mistenni. Matul ix-xahar tkejlu 16.8mm xita, bit-tmienja u għoxrin jum ta’ Mejju jikkontribwixxi aktar minn nofs dan it-total. Ix-xita li tkejlet matul ir-rebbiegħa ammontat għal 42.6 mm, total li ma laħaqx il-kwota staġjonali ta’ 68.6 mm.

Filwaqt li l-irjieħat kemm f’Marzu u kemm f’April kienu aktar milli mistennija, Mejju ġab miegħu temp aktar kalm, b’veloċità medja tar-riħ daqs in-norma klimatika ta’ 8.8 knots. L-aktar buffura qawwija ta’ Mejju kienet ta’ 37 knots mix-Xlokk il-Lvant li tkejlet fil-ħames jum tax-xahar. L-aktar buffura qawwija tal-istaġun imbagħad tkejlet f’Marzu u kienet ta’ 47 knots mix-Xlokk il-Lvant.

Ekonomija

Sport