“Ġibli €20 kokaina” – messaġġi fuq WhatsApp jikxfu allegat traffikar tad-droga f’Paceville

Aqra wkoll

Żewġt irġiel jitressqu l-Qorti akkużati li kienu qed ibigħu d-droga lit-turisti. It-tnejn jiċħdu l-akkużi u jinżammu arrestati.

Messaġġi fuq WhatsApp li allegatament juru ftehimiet għall-bejgħ tal-kokaina u l-kannabis kienu fost il-provi li l-Pulizija ressqet kontra żewġt irġiel akkużati bi traffikar tad-droga f’Paceville.

Fost il-messaġġi li ssemmew fil-Qorti kien hemm wieħed mingħand persuna terza li talbet: “Ġibli €20 kokaina.”

Solomon Haile, Somalu ta’ 25 sena li jaħdem bħala assistent ta’ kok, u Mohammed Eisa, Eritrean ta’ 32 sena li jaħdem fil-ġbir tal-iskart, tressqu quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi t-Tnejn waranofsinhar.

It-tnejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.

Għalkemm fuq l-akkużi tal-Pulizija ż-żewġt irġiel kienu indikati bħala persuni mingħajr indirizz fiss, Haile qal lill-Qorti li jgħix il-Balluta, filwaqt li Eisa qal li joqgħod il-Ħamrun.

Il-Pulizija osservathom javviċinaw turisti

Waqt it-tressiq, l-Ispettur tal-Prosekuzzjoni spjega kif uffiċjali mill-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga kienu qed isegwu movimenti suspettużi f’Paceville.

Skont il-Pulizija, iż-żewġ akkużati dehru javviċinaw turisti u jgħaddu oġġetti lilhom.

F’ħin minnhom, l-uffiċjali nnutawhom javviċinaw raġel ieħor, f’dak li deher li kien se jkun skambju ta’ xi oġġett.

Kien f’dan il-mument li l-Pulizija intervjeniet biex tarrestahom.

Hekk kif induna bil-preżenza tal-uffiċjali, wieħed mis-suspettati rema mal-art qartas li kien fih sustanza bajda.

B’rabta mal-operazzjoni ġew arrestati wkoll tliet persuni oħra, fosthom ċittadin Rumen.

Messaġġi dwar bejgħ ta’ droga fuq iż-żewġ mobiles

Wara l-arresti, il-Pulizija għamlet tfittxijiet fuq l-irġiel u elevat il-mobiles tagħhom.

Skont ix-xhieda tal-Ispettur, fuq iż-żewġ telefowns instabu diversi konverżazzjonijiet fuq WhatsApp li jindikaw allegat traffikar tad-droga.

Waħda minnhom kienet tinkludi talba għal kokaina b’valur ta’ €20, filwaqt li l-Ispettur qal li nstabu skambji simili fuq il-mobiles taż-żewġ akkużati.

Akkużi ta’ traffikar u assoċjazzjoni

Haile ġie akkużat bil-pussess ta’ kokaina u kannabis f’ċirkostanzi li jindikaw li d-droga ma kinitx għall-użu personali tiegħu, kif ukoll bil-provvista tad-droga u b’assoċjazzjoni ma’ persuni oħra għall-finijiet ta’ traffikar.

Huwa ġie akkużat ukoll li wettaq reati marbuta mad-droga f’distanza ta’ inqas minn 100 metru minn post fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ, u li huwa reċidiv.

Eisa, min-naħa tiegħu, qed jiffaċċja akkużi ta’ pussess u provvista ta’ kokaina, assoċjazzjoni għall-finijiet ta’ traffikar u reati marbuta mad-droga f’distanza ta’ inqas minn 100 metru minn post iffrekwentat miż-żgħażagħ.

L-ebda wieħed miż-żewġ akkużati ma talab il-ħelsien mill-arrest, u għalhekk it-tnejn inżammu arrestati.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-avukat tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Julian Scicluna u l-Ispettur Francesco Mizzi.

L-akkużati kienu assistiti mill-avukati tal-għajnuna legali Nadya Fiott u Martin Farrugia.

Il-każ instema’ quddiem il-Maġistrat Kevan Azzopardi.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport