Investiment ta’ €1.25 miljun biex jitqassam ħalib frisk lokali fl-iskejjel

Aqra wkoll

Il-Gvern qed jestendi l-iskema tad-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix fl-iskejjel biex għall-ewwel darba taħt din l-inizjattiva jiġi inkluż ukoll il-ħalib frisk lokali, permezz ta’ investiment ta’ €1,254,400, eskluża l-VAT, fuq perjodu ta’ sentejn.

Din l-inizjattiva, li hija miżura tal-Budget, tħabbret mill-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u l-Provvista tal-Ikel Anton Refalo u mill-Ministru għall-Edukazzjoni u l-Isport Byron Camilleri, bil-għan li tkompli tippromwovi drawwiet alimentari tajbin fost it-tfal u ż-żgħażagħ, filwaqt li toħloq opportunitajiet ġodda għall-produtturi lokali tal-ħalib.

L-iskema se tilħaq aktar minn 25,000 student fl-iskejjel primarji u madwar 10,000 student fl-iskejjel sekondarji. Fl-iskejjel primarji, kull student se jirċievi sitt porzjonijiet ta’ ħalib fix-xahar, filwaqt li fl-iskejjel sekondarji se jitqassam porzjon wieħed fix-xahar għal kull student.

Meta mal-investiment fil-ħalib frisk lokali tiżdied ukoll l-ispiża tad-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix taħt l-istess skema, l-investiment totali fuq sentejn jilħaq €3,763,200, eskluża l-VAT.

Il-Ministru Anton Refalo sostna li din l-inizjattiva tgħaqqad żewġ għanijiet importanti: it-titjib tan-nutrizzjoni tat-tfal u t-tisħiħ tal-produzzjoni agrikola lokali.

“Permezz ta’ din l-inizjattiva qed ninvestu direttament f’saħħet uliedna, filwaqt li nagħtu sostenn konkret lis-settur lokali tal-ħalib. Meta nwasslu l-ħalib frisk Malti fl-iskejjel tagħna, inkunu qed nippromwovu għażliet alimentari tajbin u fl-istess waqt noħolqu opportunitajiet għall-produtturi Maltin. Din hija inizjattiva li tħares ukoll lejn is-sostenibbiltà tal-produzzjoni lokali tal-ikel,” qal il-Ministru Refalo.

Il-ħalib huwa sors ta’ nutrijenti importanti, fosthom il-kalċju u l-proteini, li jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-għadam u tal-muskoli. Flimkien mad-distribuzzjoni tal-frott u l-ħaxix, l-iskema għandha tkompli ssaħħaħ l-għarfien tal-istudenti dwar l-importanza ta’ dieta bilanċjata.

Il-Ministru Byron Camilleri, saħaq fuq l-importanza li, flimkien ma’ edukazzjoni ta’ kwalità, it-tfal u l-istudenti jiġu mħeġġa jadottaw stil ta’ ħajja aktar sana.

“Aħna rridu li t-tfal u l-istudenti tagħna mhux biss ikollhom edukazzjoni b’saħħitha, iżda wkoll jgħixu ħajja sana, fost l-oħrajn billi jikkunsmaw aktar frott, ħaxix u ħalib. Dan qed nagħmluh id f’id mal-kollega tiegħi, il-Ministru Anton Refalo, fejn mhux biss qed inħeġġu lit-tfal jieklu ikel bnin, iżda qed nipprovdulhom ukoll dawn il-prodotti waqt il-ħin tal-iskola. Permezz ta’ din l-iskema, se jerġa’ jitqassam frott, ħaxix u ħalib lill-istudenti fl-iskejjel, bħalma kien isir ukoll fi żmien meta jien stess kont student. B’dan il-mod qed ngħinu lit-tfal tagħna jiżviluppaw drawwiet ta’ ikel tajbin minn età żgħira,” qal il-Ministru Camilleri.

L-inizjattiva hija wkoll opportunità għas-settur lokali tal-ħalib, hekk kif id-distribuzzjoni tal-prodott Malti fl-iskejjel mistennija toħloq domanda addizzjonali u tkompli ssaħħaħ ir-rabta bejn il-produzzjoni agrikola lokali u l-konsumaturi.

Iż-żewġ ministri tennew l-importanza tal-kollaborazzjoni bejn il-ministeri, l-iskejjel u l-produtturi lokali biex inizjattivi bħal dawn ikomplu jħallu benefiċċji konkreti fuq it-tfal, il-familji u s-settur agrikolu Malti.

Din l-iskema tkompli tibni fuq il-ħidma li qed issir biex jiġu promossi għażliet alimentari aktar bilanċjati, filwaqt li tingħata prijorità lill-prodotti lokali u lill-futur tal-produzzjoni tal-ikel f’pajjiżna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport