Żieda sostanzjali fl-għajnuna finanzjarja għall-istudenti kollha tal-ITS

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-Istitut għall-Istitudji Turistiċi (ITS) se jkun qiegħed isaħħaħ l-appoġġ lill-istudenti permezz ta’ żidiet fl-għotjiet u l-istipendji. Dan tħabbar mill-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela waqt id-diskussjoni parlamentari b’rabta mal-estimi finanzjarji għal dan il-Ministeru. 

Il-Ministru Abela ddikjara li “rridu li l-istudenti ma jarawx it-turiżmu bħala sempliċi impjieg temporanju, iżda bħala l-ewwel għażla għall-karriera tagħhom. “Ħa ninvestu fejn l-aktar li jgħodd.”

Għalhekk, il-Ministru qal li hu ta’ pjaċir kbir għalih li jħabbar żieda sostanzjali fl-għajnuna finanzjarja għall-istudenti kollha tal-ITS, li għall-ewwel darba se jpoġġu lill-istudenti “at par” ma’ studenti universitarji u tal-MCAST li jirċievu l-ogħla skala ta’ għajnuna, ċioe, il-high priority courses. Dawn iż-żidiet se jidħlu fis-seħħ mill-1 ta’ Jannar 2027. 

Fil-qasam tal-edukazzjoni speċjalizzata, l-ITS qed jippjana li jintroduċi Diploma fl-Għadis, wara l-iżvilupp tal-programm ta’ gradwazzjoni f’dan il-qasam. 

Il-pjan REFRESH

Il-Ministru Abela tkellem ukoll dwar il-pjan REFRESH – pjan tal-Ministeru li jqis il-Budget 2027 bħala opportunità għal tranżizzjoni fil-mudell turistiku.

“Aħna nemmnu li l-kwalità tat-turiżmu titjieb biss jekk intejbu l-prodott turistiku tagħna. Dan imbaghad ma jistax ma jkunx ta’ benefiċċju intrinsiku għall-komunitajiet tagħna. Dan ir-REFRESH jikkonsisti fi pjan pjouttost logiku b’miri ċari u riżultati li jistgħu jitkejlu.

Huwa spjega li l-pjan jistabbilixxi sinerġija aktar b’saħħitha bejn il-Gvern, il-komunitajiet, l-industrija, l-NGOs u l-akkademja. “Qed inniedi pjan organizzati f’erba’ oqsma, bil-għan li jinkisbu riżultati viżibbli fi żmien 12-il xahar, f’ciklu li jsostni lilu nnifsu għall-ġejjieni.

REFRESH huwa ko-ordinament bejn il-Gvern Ċentrali, l-MTA, Town Centre Management, il-Kunsilli Lokali, l-akkademici u l-industrija. L-għan primarju huwa l-ħolqien ta’ simbjożi bejn il-komunità u l-industrija li toħloq well-being inġenerali.

Fost l-oħrajn, f’dan il-pjan hemm enfasi fuq l-infrastruttura, l-indafa u l-ambjent. Jinkludi regoli aktar ċari għall-iskart kummerċjali, dispożizzjoni ta’ mwejjaq fuq art pubblika, il-livell tal-istorbju u d-deliveries għal stabbilimenti turistiċi. Ma’ dawn hemm ukoll it-tourism infrastructure fund, it-tkomplija tal-proġett ta’ Kemmuna u t-Tourism Clean Zones.

Dwar il-kwalità tas-servizz u l-iżvilupp tal-ħiliet, il-Ministru rrefera għal programm ta’ taħriġ permezz tal-ITS għall-ħaddiema fil-lukandi, ir-ristoranti u fis-servizzi turistiċi b’enfasi fuq il-professjonalità, il-komunikazzjoni, l-ospitalità u l-ġestjoni tal-ilmenti. 

Semma’ wkoll l-evalwazzjoni tal-esperjenza tal-klijent filwaqt li qed jitħejja programm għar-ristoranti ffukat fuq prodotti lokali u d-Diving Safety Authority sabiex inkomplu ngħollu l-profil tal-għadis f’pajjiżna.

Barra minn hekk, il-Ministru Abela tkellem dwar ir-responsabbiltà u l-investiment tas-settur privat u inizjattivi oħra għal aktar valur ekonomiku u benefiċċji usa’. Dwar dan tal-aħħar, huwa semma l-Gozo Quality Tourism Programme, it-Tourism Beyond Summer u t-Tourism Quality Dashboard. 

Dan il-pjan jinserixxi ruħu wkoll fi strateġija ġdida għat-turiżmu sostenibbli li mistennija tiġi mnedija s-sena d-dieħla u li ġġib l-isem “Review, Reset, Realign.” 

“Dawn l-inizjattivi u t-titjib li ha jgibu maghhom ha jiftħu l-opportunità biex bħalma għamlu pajjiżi oħra, naraw lokalità turistika Maltija jew Għawdxija nnominata għal European Capital of Tourism. Din xi ħaġa li Malta qatt ma sfruttat u l-Ministeru lest li jagħti l-appoġġ kollu tiegħu,” qal il-Ministru Abela. 

X’qafas hemm bżonn?

Il-Ministru Abela spjega li kull miżura se tkun assenjata lil entità responsabbli, bi skeda ta’ twettiq, bir-riżorsi identifikati u l-indikaturi ta’ progress. Il-mira ta’ 12-il xahar għandha tiffoka fuq bidliet viżibbli.

Ħabbar li fuq livell politiku ogħla, il-Ministeru għat-Turiżmu, tramite l-Kabinett tal-Ministri, se jlaqqa’ din il-ġimgħa stess Working Group Inter-Ministerjali għat-Turiżmu. Dan sabiex tkompli tissaħħaħ il-koordinazzjoni tal-politika relatata mat-turiżmu bejn il-ministeri u l-entitajiet tal-Gvern.
L-Awtorità Maltija għat-Turiżmu (MTA) se tkun kruċjali għall-kordinament ta’ dan l-operat. “Nista ngħid li din il-ġimgħa stess se nissoktaw niddiskutu il-materja delikata tal-volum turistiku u l-infrastruttura.”

Il-Ministru Abela semma wkoll kif l-MTA ħarġet compliance certificates għal 30 lukanda ġdida din is-sena. Barra minn hekk, din is-sena kien hemm ukoll 1,735 applikazzjoni gdida għal short term rentals f’Malta u 191 f’Għawdex. “Żgur mhux forsi, rajna surge fl-applikazzjonijiet qabel ma daħlet fis-seħħ il-leġiżlazzjoni l-ġdida aktar kmieni din is-sena.”

“Sa Settembru 2026 saru 3,837 spezzjoni f’Malta u waslu 857 rapport jew ilment. Inħarġu 155 multa amministrattiva, 23 avviż ta’ infurzar u 10 avviżi uffiċjali, b’interventi mmirati f’diversi lokalitajiet. F’Għawdex saru 1,542 spezzjoni.”

Huwa tenna jgħid li jħares ’il quddiem għat-tnedija tal-Istrateġija tal-MTA għall-Intelliġenza Artifiċjali 2027-2029. L-għan huwa titjib fl-awtomazzjoni, analiżi tad-data, aktar effiċjenza, sigurtà ċibernetika u dan kollu b’governanza u użu responsabbli tal-AI.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport