Malta tingħata rwol ewlieni fit-tħejjijiet għas-Summit tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar l-Iżvilupp Sostenibbli fl-2027

Aqra wkoll

Malta ntgħażlet biex ikollha rwol ewlieni fit-tħejjijiet għas-Summit tan-Nazzjonijiet Magħquda tal-2027 dwar l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli. Permezz tal-Ambaxxatriċi Natasha Meli, ir-Rappreżentanta Permanenti ta’ Malta għan-Nazzjonijiet Magħquda fi New York, Malta nħatret bħala Ko-Faċilitatur flimkien mas-Senegal, biex imexxu n-negozjati bejn il-pajjiżi membri qabel din il-laqgħa internazzjonali.

Il-ħatra ġiet ikkonfermata mill-President tal-81 Sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Magħquda, Khalilur Rahman, u hija rikonoxximent importanti tal-fiduċja li tgawdi Malta fil-ħidma diplomatika internazzjonali.

Is-Summit tal-2027 se jiġbor flimkien mexxejja minn madwar id-dinja biex jevalwaw kemm il-pajjiżi qed jirnexxilhom jilħqu s-17-il għan li dwarhom intlaħaq qbil fl-2015. Dawn jinkludu l-ġlieda kontra l-faqar, it-titjib fl-edukazzjoni u s-saħħa, l-ugwaljanza u l-ħarsien tal-ambjent. Il-mira hija li dawn l-għanijiet jintlaħqu sal-2030.

F’dan il-proċess, Malta se jkollha r-responsabbiltà li tgħaqqad il-pożizzjonijiet tal-pajjiżi membri u tgħin biex jintlaħaq qbil dwar dikjarazzjoni politika li tistabbilixxi l-prijoritajiet u l-impenji komuni għall-aħħar snin qabel l-2030. Dan se jinvolvi konsultazzjonijiet u negozjati ma’ rappreżentanti tan-Nazzjonijiet Magħquda minn madwar id-dinja.

Din il-ħatra tagħti lil Malta opportunità oħra biex tikkontribwixxi direttament għal deċiżjonijiet internazzjonali importanti, filwaqt li tkompli ssaħħaħ ir-rwol tagħha fi ħdan in-Nazzjonijiet Magħquda.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport