Friday, March 28, 2025

Ġirja tneħħilek ftit mill-istress ta’ kuljum u għall-mument tħoss moħħok jistrieħ u l-problemi jtiru mar-riħ – Malcolm Piccione

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?
Onestament bdejt bla ħsieb ta’ xejn. Minn dejjem kont inħobb l-isport, l-iktar il-futbol peró qatt ma nista’ ngħid li pprattikajt xi sport b’mod professjonali. Kont nilgħab ħafna logħob ma’ sħabi 5-a-side. Meta kbirt imma kienet saret tkun diffiċli li ngħaqqad logħba futbol għax kulħadd bl-impenji tiegħu u peressli xogħoli ħafna mill-ħin bilqiegħda u tibda ttella’ ċertu piż u tħossok qiegħed tiġġamja, iddeċidejt li ma nistax nieqaf u ma nagħmilx sport u għalhekk bdejt niġri. L-ewwel darba li mort għamilt 1k u ħassejtni li kont ħa mmut daqskemm batejt, imma bqajt nipprova u dejjem inżid id-distanza bilmod u nista’ ngħid li fl-aħħar saret parti mir-rutina tal-ħajja ta’ kuljum. Sirt inħobb l-atletika ħafna, dejjem naqra fuq affarijiet relatati, u mhux affarijeit materjali biss bħal żraben tal-ġiri, li tant inħobb, ħwejjeġ u aċċessorji, imma anke x’għandek tiekol, vitamini u eżerċizzji oħra li jgħinu fl-atletika, kemm għal qabel, waqt u wara l-attivitá sportiva. Tant kemm tiġi parti minnek, li tħossok qisek qiegħed tagħmel xi ħaġa ħażina jekk tiġi xi ġurnata li tkun fil-programm u ma nkunx nista’ mmur! Minn 1k spiċċajt nagħmel ħafna ġirjiet differenti fostom tlielaq ta’ triq ta’ 5k u 10k li jkun hawn ammont mhux ħażin matul is-sena, nofs maratoni (21.1k) u maratoni (42.2k), Malta u anke barra minn Malta, Ultra Maratona (52k), Aquathlons (għawm u ġiri), IronMan 70.3 (Triathlon – għawm, rota u ġiri) u waħda partikolari li kienet l-Etna Trail li kellha elevazzjoni mhux ħażin u esperjenza sabiħa mmens għax il-vulkan tisimgħu apparti xenarji sbieħ! Kull ġirja fiha storja u dejjem titgħallem xi ħaġa minnha. Minn xi ħaġa bla ħsieb saret xi ħaġa li tatni memorji bellezza u emozzjonijiet enormi, biki, ferħ, ħbieb ġodda imma l-atletika għallmitni wkoll biex bħala persuna ninduna x’kapaċi nagħmel.  

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?
Ħadt diversi trofej fil-kategorija tiegħi li għall-persuna bħali li beda tard f’dan l-isport, tħossu ta’ sodisfazzjon ikbar, imma naħseb kull darba li nagħmel ħin aħjar minn ta’ qabel (‘Personal Best’) ikun ta’ suċċess għalija personali u nkun sodisfatt ħafna. Inqum kmieni ħafna filgħodu biex nittrenja l-isport tiegħi u fih sagrifiċċju u d-dedikazzjoni kbira, allura xi ħaġa hekk tapprezzaha ħafna iktar. Imma anke jekk ma nieħu xejn jew ma nagħmilx ħin aħjar minn ta’ qabel, il-fatt li bdejt ġirja u spiċċajtha għalija wkoll huwa suċċess għax ġieli kien hemm perjodi li tkun mweġġa’ u ma tkunx tista’ tiġriha. Il-fatt li nkun qiegħed hemm u li għamiltha, tkun xi ħaġa li tapprezzaha ħafna.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?
Bħala individwi, naħseb li hawn potezjal qawwi peró nemmen li jista’ jsir ħafna investiment ikbar meta ssib ċertu talent. F’dawn l-aħħar 12-il sena li bdejt niġri jiena, rajt avvanz. Naħseb in-nies iriduh iktar bħala sport, kemm l-atletika u kemm sport ġenerali u allura bla ma trid iċ-ċirkostanzi u l-faċilitajiet ħa jitjiebu. Hawn ħafna opportunitajiet, peró, naħseb li xorta għadna lura fejn pajjiżi oħra speċjalment għat-tfal żgħar u l-ġenerazzjoni l-ġdida. Hawn nuqqas ta’ sponsorships u anke bħala pajjiż m’hawnx investiment qawwi fl-isport ġenerali mhux atletika biss. Eżempju, li jkollok skola tal-isport waħda u żgħira, u li tiflaħ ftit ammont żgħir ta’ tfal kontra d-domanda li hawn, turi biċ-ċar li għad hemm x’isir. Nemmen li jista’ jkun hawn ħafna iktar minn hekk. Veru pajjiż żgħir u limitati peró xorta nemmen li jista’ jkun hawn investiment ikbar.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?
Hawn nuqqas ta’ trakki ta’ ċertu livell u nemmen li jista’ jkun hawn iktar. Ġieli tmur ġo trakka biex tiġri u ssibha mimlija nies li l-ħin kollu trid tgħajjat biex tgħaddi mil-lane li tkun fiha jew inkella jkollhom sports differenti, tipo grawnd tal-futbol ġo nofsha, li ġieli tissogra li taqla’ xi daqqa ta’ ballun waqt li tkun qiegħed tiġri, li meta tkun qiegħed tiġri b’ċerta veloċitá, jaf tweġġa’ sew. Fejn jidħlu kompetizzjonijiet, meta niġru fi triq, ċerti kompetizzjonijiet ġieli tispiċċa tiġri ġol-karozzi, jew anke karozzi jsuqu għal fuqek għax ma jkollhomx paċenzja jistennew u ma jkunx hemm marshalls jikkontrollawhom, li ovvjament mhux tajjeb għall- atleti. Diffiċli tagħlaq it-toroq kull ġimgħa għax kważi kull ġimgħa sar ikun hawn xi tip ta’ ġirja, peró jekk isir xi ftehim bejn l-assoċjazzjoni u l-klabbs u jagħżlu xi ħin li ma jaffettwawx daqshekk it-traffiku u jżidu iktar kontrolli, naħseb li jista’ jintlaħaq xi tip ta’ kompromess bejn l-awtoritaijiet u dawk involuti.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?
Jekk is-saħħa tippermetti, nixtieq li nkompli ntejjeb il-ħinijiet tiegħi, li huma:
5k – 17m08s – nixtieq nagħmilha taħt is-17m; 10k – 26m30s – nixtieq nagħmilha taħt is-26m; 21k – 1h23m13s – nixtieq nagħmilha taħt il-1h20m; 42k – 3h13m42s – nixtieq nagħmilha taħt it-3h; 52k – 6h10m – nixtieq nagħmilha taħt is-6h u Ironman 70.3 – 5h30k – nixtieq nagħmilha taħt il-5h.
Peró, apparti dawk, għandi lista twila ta’ attivitajiet oħra li nixtieq nagħmel fosthom xi Ironman (140.6) jew xi ultra iktar minn 52k.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.
Lil min diġá kiber fl-etá nixtieq ngħidilhom biex ma jaqtgħux qalbhom u jippruvaw dan l-isport sabiħ. Qatt m’hu tard li tibda. Xi ħaġa li tista’ tagħmilha waħdek u fix ħin trid u ma tibqax fuq l-iskuża li m’għandekx ċans, għax ċans issibu jekk trid. Ġieli qomt anke fis-2am biex inlaħħaq qabel ix-xogħol. Jekk hemm ir-rieda, kollox possibli.  M’hemmx għalfejn li tkun professjonali u tagħmel ħinijiet tal-blieħ imma li tibda t-tiġrija u tasal sal-aħħar hija xi ħaġa kbira, u kif taqsam il-linja tal-finish l-emozzjoni li tħoss hija xi ħaġa indeskrivibbli. Apparti min hekk, tagħmel tajjeb għas-saħħa, kemm fiżikament u kemm mentalment. Ġirja tneħħilek ftit mill-istress ta’ kuljum u għall-mument tħoss moħħok jistrieħ u l-problemi jtiru mar-riħ!

Għal min għadu żgħir, sabiħ ħafna li tieħu l-isport tal-atletika b’mod professjonali. Hawn ħafna opportunatijiet, anke barra mill-pajjiż, u tajjeb li tipprova u tieħu ċans. Mhux facli u fih is-sagrifiċċji kbar imma x’hemm faċli fil-ħajja? Trid tirsisti ħafna biex tilħaq il-ħolm li jkollok u biex tilħaq dak li taspira għalih. Jekk iżżomm id-dixxiplina, tkun konsistenti u timxi fuq min iħarrġek, u l-parir ta’ min iħobbok u jixtieqlek il-ġid, għandek tasal u jkollok suċċessi kbar.

Ma trid taqta’ qalbek qatt u meta l-affarijiet ma jkunux sejrin kif tixtieq, tibqa’ tiġġieled u tirsisti sakemm terġa’ tiġi kif tkun u tużahom bħala tagħlima biex tiġi aħjar!

Grazzi tal-opportunitá ta’ din l-intervista u nittama li dan l-artiklu jħajjar lil xi ħadd jew jgħin lil xi ħadd, u min jixtieq jikkuntattjani biex forsi jitkellem iktar dwar dan, ma jiddejjaqx jibgħatli!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport