Thursday, April 17, 2025

ĠRAJJET IL-FIDWA-Wirjiet Sagra tal-Ġimgħa Mqaddsa

Aqra wkoll

Reġgħet waslet il-Ġimgħa Mqaddsa. Dan huwa żmien illi jkun mistenni minn bosta dilettanti. Żmien ta’ ġabra u żmien fejn nirriflettu dwar dak li għadda minnu Sidna Ġesù Kristu ftit anqas minn elfejn sena ilu. Dan huwa żmien fejn naraw bosta attivitajiet u inizjattivi fosthom pellegrinaġġi, purċissjonijiet, drammi, kunċerti, programmi mużikali kif ukoll wirjiet varji.

L-għan tagħhom huwa li jressquna iktar lejn din il-ġrajja, ġrajja li seħħet sabiex Kristu juri kemm iħobb lil din id-dinja. Kull inizjattiva hija turija ta’ talent li jkun ilu jitħejja minn żmien qabel. Is-sehem ta’ artisti, statwarji, reffiegħa, personaġġi, mużiċisti, atturi u persuni oħra involuti jkompli jsebbaħ dawn iż-żminijiet.


Dawn huma esebizzjonijiet li permezz tax-xogħlijiet artistiċi juruna diversi misteri tal-passjoni li għadda minnha Kristu. Ejjew minn dawn l-esebizzjonijiet kif ukoll l-avvenimenti l-oħra kollha nersqu aktar lejn din il-ġrajja, u l-arti tal-kostumi, in-noti mużikali, it-tafal u l-kartapesta mhux biss napprezzawhom bħala xi ħaġa artistika imma napprezzawhom ukoll biex nirriflettu l-imħabba ta’ Sidna Ġesù Kristu għalina.

Permezz ta’ din il-kitba, bħala l-organizzaturi ta’ wirjiet sagra bl-isem ta’ Ġrajjet il-Fidwa qed nerġgħu niltaqgħu magħkom u naqsmu ftit ħsibijiet dwar dak li għandna mħejji għalikom.

Il-Wirja fil-Fgura

Il-wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa fil-binja tal-Kunsill Lokali fil-Fgura, din is-sena qed tittellgħa bejn l-4 u t-18 ta’ April. Din il-wirja, is-sabiħ tagħha huwa li ta’ kull sena jkollna fiha esebiti li wħud minnhom ikunu differenti minn dawk tas-snin ta’ qabel. Fost l-esebiti ser ikollna minjatura ta’ purċissjoni/pageant.

Din turi ’l fuq minn mitejn personaġġ bħalma huma suldati u appostli flimkien ma’ minjatura ta’ personaġġi oħra li nsibuhom fil-purċissjonijiet li naraw nhar jum il-Ġimgħa l-Kbira. Jikkumplimenta din, wieħed jista’ jara sett vari tradizzjonali li issa ilu jiġi esebit f’din il-wirja għal dawn l-aħħar snin. Dawn huma xogħlijiet maħduma minn Salvu Bonello u Pawlu Muscat.

Parti oħra ta’ din il-wirja hija esebizzjoni ddedikata lil Marija Addolorata b’bosta statwetti flimkien ma’ sett simboli li qed jiġu mżanżna din is-sena u li jirrappreżentaw is-Seba’ Duluri tal-Madonna.

Din is-sena wkoll inbeda x-xogħol fuq sett vari ġodda li qed jinħadmu bis-sistema tridimensjonali u huma sett vari ta’ għoxrin ċentimetru replika fuq is-sett ta’ vari li jinsabu fil-knisja ta’ Ġieżu, il-Belt Valletta.

Matul dawn l-aħħar erba’ snin, waqt din il-wirja tal-Fgura kellna esebit xi pitturi xogħol Francelle Pace Agius. Din is-sena din l-istess artista qed tesebixxi hija stess xogħlijiet tagħha.

Xogħlijiet oħra esebiti f’din il-wirja huma maħduma minn Brandon Caruana. Minn idejn dan l-artist għandna tliet xogħlijiet f’minjatura ta’ Redentur, Kurċifiss u Duluri li jinsabu fil-knisja parrokkjali tal-Fgura.

Biċċa xogħol oħra li sena ilu kienet esebita wkoll f’din il-wirja kienet l-istatwa ta’ Ġesù Redentur li hija xogħol ta’ Brincat. Din il-figura ta’ Kristu Redentur li hija ta’ ċertu kobor, din is-sena qed tiġi msebbħa permezz ta’ bradella ġdida.
Il-Wirja fl-Isla

Għal darba oħra qed intellgħu wirja oħra fil-Belt tal-Isla u din is-sena ser tkun bejn l-10 u t-18 ta’ April. Din is-sena ser inkunu ilna għaxar snin li dħalna f’din il-belt. Is-sett prinċipali huwa maħdum mill-mibki Salvu Bonello: sett vari komplut bil-bradelli, simboli, kif ukoll Sepulkru.

Il-Mejda tal-Appostli tradizzjonali sabet postha bħala waħda mill-attrazzjonijiet ta’ din il-wirja. L-istil tal-post huwa addattat ħafna sabiex tintrama din il-mejda. Hija mejda li tkun armata b’bosta xogħol ta’ fuħħar u dettalji oħra flimkien ma’ ikel illi huwa maħsub li kien jittiekel dak iż-żmien. Din is-sena qed tiżżanżan figura lifesize ta’ Kristu. Din inħadmet mill-artist Andrew Bugeja.

Din il-Mejda tal-Appostli, kemm ilha tintrama dejjem intramat b’mod differenti sabiex min jonorana bil-preżenza tiegħu dejjem jara ta’ kull sena xi ħaġa differenti.

Sett vari oħra huwa xogħol ta’ artist ieħor stabbilit. Dan huwa xogħol Alfred Magri, u ta’ kull sena dan is-sett qed jiżżanżnu fih statwi ġodda. La qed insemmu lill-artist Magri, wieħed ma jistax ma jinsiex il-vara tal-Aħħar Ċena li kienet tintrama snin ilu waqt din il-wirja.

Din dejjem kienet ta’ attrazzjoni mill-isbaħ waqt din il-wirja. Ser ikollna ċ-ċans li narawha armata għal darba oħra b’alterazzjonijiet li saru fuqha mill-esebitur tagħha.

Sett vari xogħol Lino Fardell ukoll qed jerġa’ jifforma parti minn din il-wirja, liema sett huwa komplut bil-bradelli u simboli fost affarijiet oħra.
Oġġetti oħra huma bosta. Fosthom hemm Kurċifiss minjatura ta’ dak illi jinsab fil-knisja ta’ Ta’ Ġieżu, il-Belt

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport