Friday, November 15, 2024

ĠRAJJIET LI SEĦĦEW FL-2023

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Din is-sena f’dak li huma reati ta’ omiċidju, kellna żewġ każi biss li kienu ġew solvuti fi żmien qasir mill-Pulizija tant li tressqu l-Qorti akkużati b’dawn l-omiċidji. L-ewwel qtil seħħ fit-18 ta’ Jannar 2023, meta sewwieq ta’ karozza tajjar u qatel mara Torka ta’ 30 sena – Pelin Kaya – u baqa’ dieħel fil-faċċa ta’ ristorant fl-Imsida. B’rabta ma’ dan il-qtil, qed jiġi akkużat Jeremie Camilleri li qed iwieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontra tiegħu.

Il-qtil l-ieħor seħħ fil-15 ta’ Ottubru li għadda f’razzett fil-Marsa fejn fih il-vittmi kienu Joe Bartolo ta’ 73 sena u Carmen Abela ta’ 56 sena. Iddrisu Faisal, ta’ 34 sena mill-Ghana, qed jiġi akkużat b’dan il-qtil doppju. Huwa jinsab mixli wkoll li pprova joqtol mara oħra u weġġa’ ħafif raġel ieħor li jiġi ħuha.

Avvenimenti oħra li ġraw din is-sena kienu l-Europride 2023 li nżammet għall-ewwel darba f’Malta kif ukoll il-laqgħa tal-MED9 li ġabet flimkien f’Malta disa’ Kapijiet ta’ Stat ta’ pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea li jmissu max-xatt tal-Mediterran. Għal din il-laqgħa importanti f’pajjiżna kien hemm ukoll il-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen u l-President tal-Kunsill Ewropew Charles Michel.

Din is-sena nzertat ukoll it-80 anniversarju mit-twaqqif tal-General Workers’ Union, li kien kommemorat bil-konferenza nazzjonali tal-unjin f’Ottubru li għadda. Fl-istess xahar tressaq quddiem il-Parlament it-tieni budget ta’ din il-leġiżlatura li kien karatterizzat minn diversi miżuri soċjali immirati l-aktar lejn dawk bl-inqas dħul u kif ukoll l-akbar kumpens li qatt ingħata għall-għoli tal-ħajja. 

Din kienet sena wkoll ta’ suċċess għall-industrija tal-films f’Malta tant li għal darba oħra reġa’ kien hawn f’Malta l-attur magħruf Russell Crowe. 

Ekonomija

Sport