“L-akbar biża’ tal-gvern huwa li jmorru fl-Oppożizzjoni għax jekk ma jkollhomx il-poter f’idejhom ma jistax jibqa’ jikkontrolla l-istituzzjonijiet. U għalhekk intkom weġibtu s-sejħa tagħna bl-eluf illejla. Ġejtu hawn intkom Nazzjonalisti, Laburisti u mingħajr partit għax intkom qegħdin hawn għal Malta tagħna”. Iddikjara dan il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt l-indirizz tiegħu quddiem folla ta’ persuni li nġabret għall-protesta quddiem il-parlament.
Grech iddikjara dan minkejja li l-folla quddiemu kienet ferm iżgħar min-numri li beda jsemmi tant li kif jixhed ritratt li ttieħed ftit minuti qabel dan id-diskors tiegħu.
Filwaqt li kompla biex jattakka lill-Prim Ministru Robert Abela fuq diversi temi, il-Kap tal-Oppożizzjoni tkellem dwar d-deċiżjoni tal-Qorti rigward l-Isptarijiet li mexxa l-eks Kap tal-PN Adrian Delia u dwar il-vot li ttieħed fil-parlament rigward is-sejħa għal inkesta pubblika minn omm u missier JeanPaul Sofia. Kemm minn fuq Delia kif ukoll minn fuq il-ġenituri kuraġġużi tal-vittma fl-inċident f’Kordin, Grech għażel li jipprova jagħti l-mertu lill-Partit Nazzjonalista mmexxi minnu.
Tkellem ukoll dwar is-sitwazzjoni tal-enerġija u saħaq li “dak huwa Robert Abela, il-problema joħloqha hu u hu jwaħħal fik”.
Grech tkellem dwar l-allegat każ ta’ benefiċċji tal-invalidità u qal li hu mhux se jkun qiegħed jieqaf jitkellem f’isem dawk li ma ngħatawx dak li kien ħaqqhom. Huwa għal darba oħra dar jattakka lill-Kummissarju tal-Pulizija u staqsa jekk fuq kollox għadux hemm u talbu biex jekk mhux lest joħroġ jinvestiga jkun aħjar jekk iwarrab.
Grech temm stieden lil dawk li setgħu kienu involuti f’din l-iskema jew xi skemi oħrajn biex jitkellmu miegħu jew mal-Partit Nazzjonalista għax hu lest li jipproteġihom.
“Morru u ħudu t-tama li flimkien se nkunu qegħdin nifdu lil dan il-pajjiż minn din il-klikka kriminali … Aħna naħdmu bil-politika tal-persważjoni. Dik il-politika li tqanqal il-muntanji. Dik il-politika li qiegħda tqanqal lill-poplu Malti u Għawdxi. Dik il-politika li flimkien magħkom nistgħu nagħtu lil dan il-poplu l-ħajja tassew ta’ kwalità li jixraqlu. Grazzi”, temm Grech.