Tuesday, October 8, 2024

Magna ġdida fil-Biċċerija Pubblika għall-klassifikazzjoni tal-majjal lokali

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali Anton Refalo ħabbar investiment ġdid fil-Biċċerija Pubblika fejn ġiet installata magna ġdida għall-klassifikazzjoni tal-majjal.

Ġie spjegat li din il-magna tuża l-Intelliġenza Artifiċjali sabiex b’mod awtomatiku jiġu determinati l-grad u l-valur fis-suq tal-karkassa tal-majjal. Dan il-proċess huwa aktar iġeniku hekk kif ma jsir l-ebda kuntatt bejn il-laħam u l-apparat.

Il-Ministru Refalo kompla jispjega li l-magna se tislet ukoll il-kejl u l-valur tas-suq tal-qatgħat kollha tal-karkassa tal-majjal, jiġifieri l-perżut, l-ispalla, iż-żaqq u l-kustilja, u se tindika wkoll kif għandha tiġi proċessata kull karkassa. Dan se jwassal sabiex l-għażla tal-karkassi tal-majjal issir fuq bażi ta’ kwalità u għaldaqstant tippermetti lir-raħħala biex ibigħu l-laħam tagħhom skont il-kwalità.

“Din hija parti mill-ħidma tagħna biex inkomplu ntejbu s-servizzi li tipprovdi l-Biċċerija u nkomplu nikkontribwixxu lejn żieda fil-valur u fil-kwalità tal-majjal lokali,” temm jgħid il-Ministru Refalo.

Id-Direttur tal-Biċċerija Stefan Cachia qal li permezz ta’ din il-magna, il-Biċċerija qed tkompli ttejjeb l-operat tagħha u tgħolli l-kwalità tal-prodott tal-laħam lokali. “B’din il-magna qed nagħmlu qabża sostanzjali fil-mod ta’ kif nikklassifikaw il-majjal ta’ Malta b’mod li jkun żgurat li tingħata informazzjoni aħjar lill-konsumatur u fl-istess ħin tagħrif utli lir-raħħal dwar kif jista’ jkompli jtejjeb il-prodott tiegħu,” qal is-Sur Cachia.

Sport