Monday, May 20, 2024

Grech iwiegħed ħlas indaqs għall-istess xogħol

Aqra wkoll

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’konferenza tal-aħbarijiet wiegħed li Gvern ġdid Nazzjonalista jagħti allowance lill-frontliners kollha fosthom lill-ħaddiema tal-kura tas-saħħa, dawk fl-oqsma soċjali, lill-edukaturi u lill-ħaddiema fil-korpi dixxiplinati bħala bonus annwali ekwivalenti għas-salarju bażiku ta’ erba’ ġimgħat tal-impjegat rispettiv.

Huwa sostna li wegħda oħra se tkun dik li jelevaw ir-riforma fis-servizz u s-settur pubbliku fuq livell ministerjali. Qal ukoll li taħt l-ebda ċirkostanza mhu se jibqa’ jiġi aċċettat li ħaddiema jagħmlu l-istess xogħol u ma jingħatawx l-istess ħlas. Il-kunċett ta’ equal pay for equal work se jitħaddem l-ewwel fl-entitajiet tal-Gvern biex iservi ta’ mudell.

Dr Grech wiegħed ukoll li se jirrevedu u jtejbu l-iskali tal-pagi tal-ħaddiema kollha tal-Gvern biex jirriflettu s-suq u b’hekk jattiraw l-aqwa talent fis-servizz pubbliku. Dan filwaqt li jkun żgurat li ma jkunx hemm dewmien żejjed fl-għeluq tal-ftehim kollettiv fis-servizz bil-mira li ftehim kollettiv ġdid ikun konkluż tliet xhur qabel dan jiskadi.

Huwa semma wkoll l-introduzzjoni ta’ għotja ekwivalenti għal sena paga eżenti mit-taxxa tad-dħul lill-ħaddiema tal-Gvern li jirtiraw, u l-inċentiv għall-ħaddiema biex iżidu l-effiċjenza billi jirrikonoxxu u jippremjaw il-bżulija permezz ta’ sistema ta’ performance bonus.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal ukoll li se jirrikonoxxu l-esperjenza u jimmotivaw aktar l-iżvilupp personali u professjonali tal-ħaddiema. Dan billi jingħataw punti lill-ħaddiema skont l-esperjenza u t-taħriġ li jieħdu mill-IPS li jservu ta’ bażi għall-promozzjoni u kreditu għall-punti waqt interviews u proċessi ta’ għażla.

Huwa wiegħed li titfassal politika trasparenti li tiffaċilita transfers ta’ ħaddiema permezz ta’ sistema apposta li tgħin lill-ħaddiema jiċċaqilqu minn post tax-xogħol għal ieħor b’mod strutturat. 

Semma wkoll li se jsaħħu l-family friendly measures billi nimplimentaw il-pakkett ta’ inizjattivi ta’ bilanċ bejn il-ħajja u x-xogħol fl-ewwel sitt xhur ta’ Gvern ġdid. “Jissaħħu l-miżuri tat-telework u r-remote working b’minimu ta’ ġurnata għat-telework u remote work u massimu ta’ erbat ijiem. Fil-każ ta’ ħaddiema Għawdxin li jaħdmu f’Malta l-minimu jkun jumejn telework u remote work fil-ġimgħa.” 

Finalment huwa wiegħed li jiddaħħlu miżuri għall-flessibilità akbar fosthom l-użu ta’ aktar ġranet ta’ sick leave biex ħaddiema jieħdu ħsieb lil uliedhom li ma jifilħux jew qraba anzjani morda, u li jippromwovu l-eżerċizzju u s-saħħa mentali permezz ta’ leave speċjali għal attività fiżika.

Sport