Thursday, March 28, 2024

GreenPak tirbaħ il-premju prestiġjuż National Energy Globe Award

Aqra wkoll

GreenPak tħabbret bħala r-rebbieħa nazzjonali tal-2021 Energy Globe Award grazzi għall-proġett pijunier tagħha – iBiNs. Il-proġett ta’ riċiklaġġ ġie kkwotat bħala soluzzjoni eżemplari li jgħaqqad teknoloġija avvanzata ma’ soluzzjonijiet prattiċi li jwasslu għal riżultati tanġibbli li huma ta’ benefiċċju għall-ambjent.

Dan tħabbar waqt iċ-ċerimonja tat-22 edizzjoni ta’ Energy Globe Awards organizzata mill-Fondazzjoni Energy Globe, li ħabtet mal-COP26 li sar fi Glasgow.

It-teknoloġija inkorporata fil-proġett iBiNs – Riċiklaġġ Intelliġenti ta’ GreenPak tipprovdi informazzjoni u direzzjonijiet preċiżi lill-pubbliku dwar fejn jinsab l-eqreb iBiN. Kull persuna li għandha smartphone tista’ tuża l-web-app (www.ibins.mt) peress li tinkludi Google Maps integrata.

Barra minn hekk, in-netwerk ta’ 800 iBiNs jipprovdu informazzjoni lil sistema ta’ ġestjoni komputerizzata li tippermetti lil GreenPak tbassar meta l-iBiNs iridu jitbattlu u jottimizzaw ir-rotot tat-trakkijiet tal-ġbir tal-iskart. Flimkien, dan iwassal għal servizz ambjentalment aħjar peress li l-iskart ikun isseparat skont il-materjal u jinħoloq inqas traffiku peress li huma meħtieġa inqas vjaġġi.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ GreenPak, l-Inġ Mario Schembri qal, “Wara li biddilna l-bins tradizzjonali, l-użu mill-pubbliku żdied b’39%, li rriżulta f’żieda ta’ 24% fil-kwantità ta’ skart miġbur, tnaqqis ta’ madwar 22% fi vjaġġi ta’ ġbir bla bżonn, iffrankar ta’ madwar 21,500 litru ta’ fjuwil flimkien ma inqas traffiku u emissjonijiet tal-vetturi.”

B’aktar minn 180 pajjiż parteċipanti, il-premju ENERGY GLOBE Award huwa l-aktar l-premju ambjentali prestiġjuż tal-lum. Jingħata kull sena lil proġetti li jsalvaw l-ambjent b’azzjoni personali, proġetti sostenibbli jew kampanji biex titqajjem kuxjenza fis-sostenibbiltà. Il-premjijiet għal dawn il-ħafna proġetti huma ppreżentati fil-pajjiżi fejn il-proġett ġie implimentat b’kooperazzjoni mal-imsieħba, b’mod partikolari mal-uffiċċji internazzjonali tal-Kamra tal-Kummerċ Awstrijaka u UNIDO.

Aktar tagħrif dwar il-premjijiet jinsab fuq is-sit: www.energyglobe.info/national/winner/malta

Ekonomija

Sport