Friday, April 19, 2024

Il-Prim Ministru jżur ċentru tal-vaċċinazzjoni, fejn qed jingħata l-booster

Aqra wkoll

Il-Prim Ministru Robert Abela żar iċ-ċentru ta’ vaċċinazzjoni fl-Università ta’ Malta, minn fejn, flimkien ma’ għexieren ta’ postijiet oħra madwar il-pajjiż, qed jingħata l-booster.

Il-Prim Ministru kien akkumpanjat mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

L-għoti tal-booster miexi b’mod effiċjenti ħafna u dan ifisser li min-nhar it-Tnejn, 29 ta’ Novembru, se tinfetaħ ir-reġistrazzjoni online għal kull min għandu ’l fuq minn 50 sena.

Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar kif l-istudji tal-esperti qed jixhdu mill-ġdid kemm il-vaċċin hu effettiv u sostna kif il-booster huwa l-pass li jmiss – għalhekk l-enfasi biex kulħadd iwieġeb għas-sejħa li jieħu l-vaċċin, meta ssirlu.

Filwaqt li seta’ jsegwi mill-viċin il-ħidma li qiegħda ssir fil-proċess ta’ vaċċinazzjoni, il-Prim Ministru rringrazzja lil dawk kollha preżenti tal-ħidma tagħhom.

Fosthom, numru sabiħ ta’ studenti li qegħdin joffru s-servizz tagħhom f’dawn iċ-ċentri fil-ħin liberu tagħhom bl-għan li r-rata ta’ tilqim f’pajjiżna tibqa’ miexja b’ritmu mgħaġġel u konsistenti.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne reġa’ ħeġġeġ lill-poplu Malti u Għawdxi jilqa’ l-istedina u jirreġistra biex jieħu l-booster, ħalli lkoll flimkien nibqgħu nikkumbattu dan il-virus bl-aqwa għodda possibbli.

Min-naħa tiegħu, il-Koordinatur fiċ-Ċentri tal-Vaċċinazzjoni s-Sur Jorgen Souness irringrazzja mill-qalb lil mijiet ta’ studenti minn oqsma differenti li qed isibu l-ħin biex jattendu fiċ-ċentri tal-vaċċinazzjoni u jagħtu sehemhom fil-proċess ta’ tilqim jew fil-preparazzjonijiet li jkunu meħtieġa ta’ kuljum.

Sport