Thursday, April 25, 2024

Il-Prim Ministru tal-Iżvezja tirreżenja wara biss 12-il siegħa fil-kariga

Aqra wkoll

L-ewwel Prim Ministru mara tal-Iżvezja, Magdalena Andersson, kellha tirriżenja 12-il siegħa biss wara li ħadet din il-kariga hekk kif il-Partit tal-Ħodor telaq mill-koalizzjoni li kien jifforma mal-partit tas-Soċjalisti Demokratiċi mmexxi minn Andersson. Dan il-każ qajjem instabbiltà politika f’dan il-pajjiż. 

Minkejja dan, Andersson qalet li hija tkellmet mal-ispeaker tal-kamra u wriet it-tama li terġa’ tiġi appuntata bħala Prim Ministru, din id-darba ta’ gvern magħmul minn partit wieħed. Il-possibbiltà li din isseħħ hija waħda b’saħħtiha ħafna minħabba li Magdalena tgawdi appoġġ qawwi minn numru ta’ partiti. Il-Partit tal-Ħodar għażel li jitlaq mill-koalizzjoni wara li l-parlament ma aċċettax l-abbozz tal-budget li ppreżentat il-koalizzjoni. 

F’konferenza tal-aħbarijiet li Andersson tat hija qalet li, “jiena tlabt lill-ispeaker biex niġi mneħħija mill-impenji tiegħi ta’ Prim Ministru… jiena lesta li nerġa’ nkun Prim Ministru tal-pajjiż taħt partit wieħed, gvern Soċjalista Demokratiku.” Dwar dan, il-Partit tal-Ħodor qal li huwa se jappoġġja lil Magdalena fil-vot fil-parlament, waqt li l-Partit Ċentrali qal li se jastjeni – li fil-verità dan ifisser daqslikieku qiegħed jappoġġja l-kandidatura ta’ Magdalena. Il-Partit Xellugi qal li huwa wkoll se jappoġġjaha. 

Filwaqt li l-partiti ma sabux qbil dwar il-budget, huma jinsabu magħuqdin fl-għan tagħhom li ma jħallux lill-partit Demokratiċi Żvediżi jieħu t-tmexxija tal-pajjiż. Dan huwa partit populist u kontra l-immigrazzjoni.

Sport