Saturday, December 28, 2024

Ġurnalista Taljana mmultata €5,000 talli żżufjettat bit-tul ta’ Meloni

Aqra wkoll

Il-Qorti ta’ Milan ordnat lill-ġurnalista Giulia Cortese sabiex tħallas lill-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni €5,000 talli żżufjettat bit-tul tagħha fuq il-midja soċjali.

Il-ġurnalista Taljana, li taħdem freelance, instabet ħati li kitbet żewġ “tweets malafamanti” fil-konfront tal-prim ministru.

“Int ma tbeżżagħnix, Giorgia Meloni. Wara kollox, int twila biss 1.2 metri. Lanqas nistaʼ narak,” kienet kitbet Cortese fuq X. F’post ieħor, hi sejħet lill-prim ministru “mara żgħira.”

Wara s-sentenza, Cortese saħqet li l-fatt li ġiet ikkundannata fuq ċajta kienet xi ħaġa “skandaluża”. “Hemm klima taʼ persekuzzjoni. Ma nħossx li għandi aktar il-libertà li nikteb dwar dan il-gvern, għax ladarba tkun identifikat bħala ġurnalist inkonvenjenti għal dan il-gvern, ma jħallu xejn jgħaddi,” qalet Cortese f’kummenti lill-midja internazzjonali. 

Għalkemm tista’ tappella mis-sentenza, hija qalet li għadha in deċiża x’se tkun qiegħda tagħmel. “Jekk inkompli għaddejja jaf tiswieli ħafna, u ma nafx kif se tispiċċa,” hija qalet.

L-avukat ta’ Meloni qal li hija se tkun qiegħda tagħti l-€5,000 lill-karità meta tiġi kkonfermata sentenza definittiva u jitħallsu l-flus.

Skont diversi siti tal-aħbarijiet Taljani, Meloni hi twila 1.63 metri.

Ekonomija

Sport