Wednesday, December 25, 2024

GVERN BI PJAN FIT-TUL BIEX JILQA’ GĦAŻ-ŻIDIET FIL-PREZZIJIET TAL-ENERĠIJA

Aqra wkoll

Għal dawk koiillha li għexu fi żminijiet oħra, meta pajjiżna kien milqut minn sfidi kbar internazzjonali, jaf x’kienu n-numri fejn tidħol l-ekonomija. Dawk li kienu hemm biex jisimgħu l-budgets ta’ dak iż-żmien jafu x’kien ikun hemm fil-paragrafi ta’ dak iż-żmien. Jistgħu faċilment iqabblu l-miżuri soċjali ta’ dak iż-żmien ma’ dawk li tħabbru f’dan l-aħħar budget.

Bejn gvern Nazzjonalista li quddiem sfidi kbar internazzjonali li wasslu għal splużjoni fil-prezzijiet tal-fjuwils u l-enerġija għażel li joffri soluzzjonijiet b’għotja ta’ ħames bozoz jew li  l-familji jqumu jqabbdu l-washing machine u jagħmlu l-ħasla ta’ ħwejjiġhom billejl.

Pajjiżna, fix-xhur li għaddew kellu jaffaċċja daqqiet kbar b’ċans irqiq ta’ rkupru meta l-pandemija li niżżlet għarkupptejhom ekonomiji ferm ikbar minn tagħna u eżattament kif pajjiżna rkupra mill-pandemija u beda jaħseb biex inaqqas u bil-mod il-mod iġib fix-xejn ir-restrizzjonijiet marbuta mal-Covid-19, faqqa’ kunflitt fl-Ewropa li minkejja li kien hemm min ħaseb li dan kien se jkun wieħed li jtul biss ftit jiem, issa qabeż is-600 jum tiegħu. 

Minkejja dan, il-Gvern Laburista għażel li jmur f’direzzjoni diametrikament opposta għal dik li kien ħa gvern Nazzjonalista, u minkejja inflazzjoni li l-kobor tagħha hi dik li hi, xorta waħda resaq biex jippreżenta budget b’viżjoni ta’ kif l-għaqal u d-dixxiplina jissarrfu fi spalla li jerfa’ hu l-piżijiet taż-żidiet fil-prezzijiet tal-enerġija u il-fjuwils, u saħansitra sussidji wkoll fuq iċ-ċereali u l-għalf tal-annimali.

Naqblu perfettament mal-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana li fl-ewwel kummenti tiegħu wara li ppreżenta l-Budget 2024 qal li mhux qed jiġi apprezzat biżżejjed jew aħjar qiegħed jittieħed forgranted il-fatt li l-gvern qiegħed jiddedika €350 miljun f’dawn is-sussidji. Li kieku dan il-piż kollu tpoġġa fuq il-familji, kieku d-daqqa kienet tkun ħafna aktar severa u d-diskussjoni kienet tkun fuq l-isplużjoni tal-inflazjoni, il-mijiet ta negozji li għalqu u anke protesti fit- toroq.

Imma xi jfissru eżatt dawn it-€350 miljun? Dan ifisser li għal kull €100 li l-gvern jonfoq ta’ kuljum, €5 minnhom qiegħda tmur biex tissussidja l-prezzijiet tal-enerġija ħalli ċ-ċittadin Malti u Għawdxi jibqa jgawdi l-orħos unit cost fl-Ewropa b’madwar 20 ċenteżmu kull unit.

Pajjiżi kbar bħall-Ġermanja qegħdin iħallsu 40 ċenteżmu, u li kieku ma kienx għal dawn is-sussidji, pajjiżna kien imur lejn dik id-direzzjoni. Iżda l-Ministru ma waqafx hemm. Il-Ministru spjega l-viżjoni tal-gvern li dawn is-sussidji jibqgħu hemm għat-tliet snin li ġejjin sakemm pajjiżna jagħmel l-investiment meħtieġ fit-tieni interconnector u fl-enerġija rinovabbli offshore li fi żmien ħames snin mistennija jibdew jagħmlu tajjeb u jgħinu biex tiżdied l-istabbiltà.

Familja bi dħul medju li għandha żewġ karozzi, bejn wieħed u ieħor dawn qed jiffrankaw madwar €1,200 fis-sena fuq fjuwil, u mas €700 fil-konsum tal-elettriku għal total ta’ madwar €2,000. 

Minbarra dan għandek paġni sħaħ ta’ miżuri soċjali maħsubin biex iwieżnu lill-aktar batut u b’hekk ma nistgħux ma nsemmux il-mekkaniżmu addizzjonali kontra l-għoli tal-ħajja fejn il-gvern baqa’ għaddej bil-konsultazzjonijiet biex mill-ewwel sena għat-tieni waħda se jkunu qegħdin jirduppjaw il-benefiċjarji tiegħu. 95,000 familja se jkunu qegħdin jingħataw għotja ta’ bejn €100 u €1,500 maqsuma f’żewġ pagamenti.

Quddiem dan kollu, minkejja l-preżentazzjoni ta’ budget ieħor mingħajr ebda taxxi ġodda, għandna Kap tal-Oppożizzjoni li joħroġ fl-ewwel reazzjoni tiegħu jgħid li dawn huwa budget bla soluzzjonijiet li skontu juri gvern li għeja. Għandna Kap tal-Oppożizzjoni li dwar il-ġenerazzjoni tal-elettriku qal li l-gvern mar ħażin fil-previżjonijiet tiegħu f’Lulju li għadda u qal li l-budget ma jsemmi l-ebda investiment f’dan ir-rigward meta mhuwiex il-każ.

Għandna Kap tal-Oppożizzjoni li saħansitra attakka lill-gvern fejn jidħlu l-pensjonijiet meta ftit minuti qabel il-gvern kien għadu kemm ħabbar l-akbar żieda li qatt ingħataw il-pensjonanti.Meta wieħed jifli sew id-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni ma jsibhiex diffiċli biex jinduna li huwa l-istess Kap tal-Oppożizzjoni li m’għandux viżjoni la ekonomika u wisq inqas soċjali għal pajjiżna.

Huwa faċli wkoll biex dak li jkun jagħmel is-somom u jara liema kienu l-aktar deċiżjonijiet għaqlin li verament tejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji Maltin u Għawdxin. 

Ekonomija

Sport