Thursday, April 18, 2024

GVERN B’RUĦ SOĊJALI

Aqra wkoll

It-tmexxija ta’ pajjiżna tul dawn l-aħħar tmien snin kienet ikkaratterizzata minn Gvern Laburista għan-nies li dejjem saħaq fuq l-importanza ta’ soċjetà ġusta. Soċjetà li tinċentiva u tippremja lill min jaħdem; li ma tgħakkisx liż-żgħir imma tassistih permezz ta’ skemi u inizjattivi mmirati u li ma tkażbarx lil min hu fil-bżonn imma tgħinu fil-ħajja ta’ kuljum. Fi tmien snin ta’ Gvern Laburista seħħet rivoluzzjoni siekta permezz ta’ riformi soċjali li wasslu biex pajjiżna tassew iħaddan il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. 

Għal dan il-għan Gvern Laburista kompla jinvesti fil-housing soċjali permezz ta’ bosta inizjattivi inkluż; proġett ta’ riġenerazzjoni b’investiment ta’ €2.6 miljun fil-housing estates tas-Siġġiewi, Bormla, Rabat, Santa Luċija, Ħal Qormi, iż-Żejtun u San Ġiljan; u investiment ta’ €570,000 f’housing soċjali ġdid fi Triq l-Għenba f’Ħ’Attard. Għal dan il-għan il-gvern kompla jinvesti fil-pensjonijiet. Dan biex ma nsemmux il-garanzija li kompla joffri Gvern Laburista għal medicina b’xejn, servizzi tas-saħħa b’xejn u sistema edukattiva b’xejn. 

L-isfidi li ġabet magħha l-pandemija Covid-19, bl-ebda mod ma xekklu r-rieda tal-Gvern Laburista li f’dan il-pajjiż inkomplu niksbu l-ġustizzja soċjali. Anzi, saħħet l-impenn tiegħu biex ħadd ma waqa’ lura. Dan l-impenn minn Gvern Laburista sar ukoll biex iż-żgħir, il-pensjonant, u l-persuni b’diżabiltà jibqgħu jkollhom rwol ċentrali fl-iżvilupp ta’ pajjiżna. Tassew, tul il-pandemija l-gvern irnexxielu jżomm taħt kontroll il-faqar, fejn saħansitra naqsu dawk f’ċaħda materjali. 

Però Gvern Laburista mhuwiex biss il-passat u l-preżent imma anke l-futur. Għal dan il-għan il-gvern nieda l-istrateġija ekonomika tiegħu għall-għaxar snin li ġejjin biex permezz tagħha pajjiżna jkompli jiżviluppa u jiggarantixxi soċjetà ġusta. Għal dan il-għan il-Partit Laburista ppubblika l-mitt idea li fost it-temi msemmija, jindirizza l-prinċipju ta’ soċjetà fejn kulħadd jimxi ’l quddiem. 

U biex dan ma jkunx biss kliem fieragħ il-gvern beda jaġixxi bil-fatti. L-iskema li permezz tagħha l-gvern se jkun garanti biex persuni b’kundizzjonijiet mediċi jieħdu self għal xiri ta’ proprjetà hija pass importanti biex tassew ngħixu f’soċjetà fejn kulħadd jimxi ’l quddiem. 

“In-New Hope Guarantee” hija kif sew deskritta mill-Prim Ministru, “tama ġdida, dinjità lil kulħadd.” Wara li l-gvern sema’ diversi esperjenzi, quddiem din is-sitwazzjoni inġusta ma setax jibqa’ ċass u wara ħidma aggressiva nstabet soluzzjoni mingħajr kunflitt u kompetizzjoni mas-suq privat. 

Fil-fatt, hekk kif persuna ma tkunx tista’ tieħu polza ta’ assigurazzjoni minħabba kundizzjonijiiet mediċi, issa din l-iskema tipprovdi garanzija bankarja li tagħmel tajjeb flok il-polza ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja. B’hekk il-bank ikun jista’ javvanza fuq is-self. Madankollu l-Gvern se jidħol ukoll f’każijiet fejn it-talba għall-polza ta’ assigurazzjoni fuq il-ħajja tiġi approvata madankollu tibqa’ pendenti minħabba ħlas eċċessiv ta’ premiums.

Hawnhekk l-Awtorità tad-Djar se tkun qed tidħol sabiex tgħin f’din is-sitwazzjoni wkoll. Għal dan l-iskema tnieda fond ta’ €3 miljun mill-Fond Soċjali għall-Iżvilupp Nazzjonali, biex iservi ta’ garanzija għall-banek biex jipprovdi s-self. Din il-garanzija mill-Gvern tkopri self ta’ kwart ta’ miljun ewro fuq kull propjetà. 

“In-New Hope Guarantee” tassew tindirizza l-ħtiġijiet ta’ bosta nies li niltaqa’ magħhom kuljum waqt il-home visits. Din l-skema hija prova ta’ kemm Gvern Laburista tassew iħaddan il-prinċipju tal-ġustizzja soċjali. Din l-iskema hija prova ta’ kemm dan huwa gvern li jisma’, jifhem u jwettaq. Din hija skema hija ħolqa oħra f’katina ta’ inizjattivi soċjali l-gvern fassal biex ikollna Malta ġusta. Fuq kollox, din hija skema li tixhed il-għala l-Partit Laburista huwa l-għażla naturali fl-elezzjoni li jmiss. 

Ekonomija

Sport