Tuesday, April 30, 2024

QRIB IL-ĦADDIEM

Aqra wkoll

Il-Partit Laburista minn dejjem emmen f’ekonomija li tiġi ġġenerata miż-żgħir għall-kbir. Twemmin imsejjes fuq il-bżonn li l-ħaddiem ikollu d-dinjità tiegħu, jiġi stmat talli qiegħed jaqdi dmiru u li permezz tal-għejxien tiegħu jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-familja tiegħu.

Ħarsa lura lejn l-avvanz li għamel dan il-pajjiż, wieħed jinduna li kien il-ħaddiem innifsu li bena dan il-pajjiż. Dan it-tragward mhuwiex wieħed faċli għall-ebda Gvern u jitfa’ piż iktar fuq il-Partit Laburista biex dejjem iżomm l-ħaddiem fuq l-ogħla livelli. Huwa faċli min-naħa l-oħra li ż-żmien jinbidel u javvanza imma l-ħaddiem jaqa’ lura. 

Għaldaqstant dan il-Gvern diġà wettaq diversi skemi u riformi biex il-ħaddiem ikollu s-serħan tal-moħħ li postu u ċioè d-dħul tiegħu garantit. Anke meta għaddejna mill-iktar żmien iebes tal-pandemija.

Kien il-Gvern Laburista li permezz ta’ mini-budget u skemi li għaraf jieħu d-daqqa huwa stess biex jgħin lin-negozjanti jżommu lill-ħaddiema ingaġġati miegħu anke jekk kien l-inqas mument ta’ produttività. Hawnhekk wieħed irid jammira l-viżjoni tal-Prim Ministru li f’dak il-mument diffiċli kien diġà qiegħed jara d-dawl fl-aħħar tal-mina. Illum ninsabu fi kliemu fejn irreġistrajna l-inqas rata ta’ qgħad u bl-ekonomija tirreġistra tkabbir sostanzjali. 

Min-naħa l-oħra dan ma jfissirx li l-missjoni tagħna lesta. Irridu dejjem naġġornaw il-politika tagħna u anke f’dan ir-rigward fejn jidħol il-ħaddiem fadlilna iktar x’nagħmlu. Dan il-Gvern diġà permezz tal-politika tiegħu ressaq lill-ħaddiem u lil min iħaddem lejn xulxin. M’għadux iż-żmien li ż-żewġ naħat iħarsu biċċiera lejn xulxin anzi bil-maqlub. Il-ħsieb illum huwa li ż-żewġ partijiet għandhom bżonn lil xulxin. In-negozjant li jrid jopera u jkabbar l-attività tiegħu, jista’ biss jagħmel dan jekk jinvesti fil-ħaddiem. Bl-istess mod il-ħaddiem li jrid jaħdem u jistinka biex jaqla’ l-għejxien tiegħu. 

Għalkemm dawn il-kunċetti qegħdin ibiddlu l-mentalità tas-soċjetà tagħna, xorta waħda għadna niltaqgħu ma’ abbuż fuq il-ħaddiem u dan huwa kundannabbli. Għad għandna sitwazzjonijiet fejn il-ħaddiem ikun sfruttat u jaħdem mingħajr kundizzjonijiet diċenti. Bħala Gvern irridu nkunu dejjem attenti biex nagħrfu dawn is-sitwazzjonijiet u nagħmlu minn kollox biex inwaqqfu l-abbuż. 

F’dan ir-rigward irridu wkoll naħsbu fuq il-pagi tal-ħaddiema. Irridu nassiguraw li jkollna pagi ndaqs għall-istess xogħol. Il-Prim Ministru tkellem ħafna dwar dan u naf li s-sitwazzjoni emoljarat. Madanakollu, għad fadlilna xogħlijiet fejn ħaddiema jaħdmu l-istess xogħol imma għal raguni jew oħra jdaħħlu pagi differenti. Il-kunċett ta’ equal wage for equal work irid jitħaddem bis-sħiħ fit-totalità tiegħu. 

Fl-istess waqt irridu naraw li l-ħaddiem jibqa’ dejjem jitgħallem kemm mill-att akkademiku u anke abbiltajiet ġodda. 

Dan ifisser li l-ħaddiema Maltin ikunu iktar kapaċi li jaħdmu f’karigi iktar għoljin u jitħallsu tajjeb għax-xogħol li jkunu qegħdin jagħmlu. Hawnhekk irridu naraw li nifirxu iktar l-edukazzjoni tagħna biex naraw li nagħtu iktar opportunitajiet lil kull min irid jaħdem xogħlijiet tajbin, biex jitgħallem u jagħmel lilu nnifsu disponibbli u eligibbli li japplika għal xogħlijiet ta’ ċertu livell. 

Wasal iż-żmien ukoll li meta niġu biex inkejlu x’għandu jdaħħal bħala salarju l-ħaddiem, nifhmu iktar il-kunċett tal-living wage iktar milli nikkalkulaw il-paga minima. 

Il-gvern għaddej b’inizjattivi biex jgħinuh jaġġorna l-politika tiegħu u jkun jista’ jfassal politika li twassal li l-ġid kollu li tiġġenera l-ekonomija Maltija għandha tasal f’kull faxxa tas-soċjetà speċjalment il-faxxi ta’ taħt nett li l-aktar li jkollhom bżonn. Dan huwa l-prinċipju tas-solidarjetà fejn naraw li ħadd ma jaqa’ lura. Sabiex jinħoloq bilanċ bejn il-faxex kollha tas-soċjetà wieħed għandu jħares mhux biss lejn il-paga, imma wkoll lejn il-penzjonijiet u l-benefiċċji soċjali. Għal darb’oħra rridu nħarsu lejn l-edukazzjoni biex naraw li tkun aċċessibbli u adekwata għal kulħadd kif ukoll is-saħħa tagħna li għandha tkun garantita bi dritt u tal-ogħla livell. 

Dawn huma l-punti tal-analiżi li għamilt jien milli ġbart mingħand in-nies li mmur inżurhom fid-djar tagħhom u anke dawk li jiltaqgħu miegħi. Dan huwa suġġett għal qalbi ħafna għax jiġbor il-politika ħajja tan-nies.

Dan is-suġġett huwa ħaj u permezz tal-politika tista’ tgħixu u tħossu. Nesperjenzah ta’ kuljum meta l-kostitwenti jaqsmu l-esperjenza tagħhom miegħi. Min-naħa tiegħi nimpenja ruħi li nirrappreżentahom fil-fori kollha fejn ikolli l-opportunità sabiex inkun il-vuċi tagħhom. Irrid li nwassal l-istampa ċara tas-sitwazzjoni preżenti. Irrid li nirrikonoxxi l-ħafna tajjeb li sar u fl-istess waqt naraw kif nindirizzaw d-diffikultajiet li wieħed jista’ jkollu. 

Inqawwi qalbi għax dan huwa Gvern li ħadem ħafna u investa ħafna fin-nies. L-avvanz li sar huwa kbir u kien essenzjali f’dawn l-aħħar xhur fi żmien il-pandemija. Rajna lil Robert Abela Prim Ministru Soċjalist bil-fatti li wera li qalbu hija dejjem mal-ħaddiem. Saħaq dan kemm-il darba u wera dan bil-fatti permezz tal-ħidma tiegħu.

Min-naħa l-oħra wera l-kobor u l-umiltà tiegħu. Bħalissa qiegħed iwettaq il-viżjoni politika tiegħu billi jġedded il-politika tal-Partit Laburista biex naslu iktar għand in-nies u għaldaqstant il-ħaddiema. 

Fi kliem sempliċi min-naħa tiegħi nixtieq nara li l-bżulija tal-ħaddiem tissarraf f’ġustizzja meta nħarsu lejn il-paga, il-kundizzjonijiet, benefiċċji soċjali, is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol, l-aċċessibilità, li dawn kollha flimkien għandhom jagħtu dinjità f’livell għoli ta’ kwalità tajba. 

Sport