Monday, May 13, 2024

Proposti tal-GWU għall-Budget 2022

Prijorità għall-ħlas indaqs għall-istess xogħol, sħubija mandatorja fi trejdunjins u living income

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif ninsabu inqas minn xahar bogħod mill-preżentazzjoni tal-Budget għas-sena d-dieħla, l-imsieħba soċjali ressqu l-proposti tagħhom lill-Gvern sabiex dan jieħu nota tagħhom waqt it-tfassil tal-miżuri tal-istess Budget.

Fuq quddiem nett, hemm il-General Workers’ Union, li bħalma tagħmel ta’ kull sena ressqet għadd ġmielu ta’ proposti li jolqtu lill-ħaddiema u faxex oħra tas-soċjetà. Dan filwaqt li tħeġġeġ investimenti fl-ekonomija bil-għan li jerġa’ jiġi ġġenerat it-tkabbir ekonomiku li pajjiżna kien tant imdorri bih. 

Il-proposti ekonomiċi, industrijali, soċjali u ambjentali li ressqet l-union huma intiżi sabiex il-fiduċja li pajjiżna kien qed igawdi minn kull settur fis-soċjetà ma jintilifx a skapitu tal-effetti ta’ wara l-pandemija li tista’ tweġġa’ lil ħafna ħaddiema, pensjonanti fuq il-postijiet tax-xogħol.

Il-GWU qiegħda tipproponi wkoll miżuri li jmorru oltre l-għajnuniet finanzjarji li kienet ipproponiet fil-bidu tal-pandemija. Apparti hekk, qed ikun propost tibdil fil-leġiżlazzjoni industrijali fid-dawl tal-bidla li qed nesperjenzaw fid-dinja tax-xogħol.

Fl-isfond ta’ dan, il-GWU mill-ġdid reġgħet tenniet il-proposta tagħha sabiex kull ħaddiem ikun imsieħeb fi trejdunjin tal-għażla tiegħu. Proposta li għandha l-għan li twassal titjib fil-benefiċċji u l-kundizzjonijiet tax-xogħol li qed jinkisbu llum mill-ħaddiema li jagħmlu parti minn trejdunjin. Barra minn hekk, din il-proposta għandha tgħin biex jinqata’ kull tip ta’ abbuż fuq il-ħaddiema. 

Il-viżjoni tal-GWU iżda tmur lil hinn mill-post tax-xogħol, u tinkludi l-familji, pensjonanti u l-ħajja ta’ kull ċittadin, irrilevanti r-razza, kulur jew orjentazzjoni sesswali. L-għan aħħari jibqa’ dak li l-ġid maħluq iwassal verament biex il-valur tal-ġustizzja soċjali jiġi mħaddem lejn dawk l-aktar vulnerabbli fil-pajjiż.

F’dan l-artiklu, talk.mt se tkun qiegħda tagħti ħarsa lejn il-proposti ewlenin li ressqet il-GWU għall-budget 2022. 

Kundizzjonijiet tax-Xogħol 

Waqt li rrikonoxxiet li l-ħaddiema tal-kuntrattur li qed jagħtu servizz kontinwu lill-Gvern qed jieħdu żieda tal-ftehim kollettiv, il-GWU qalet li issa wasal iż-żmien li dawn jieħdu l-increments tal-grad li qed jiġu komparati miegħu u l-benefiċċji kollha.

L-union enfasizzat ukoll fuq il-prinċipju ta’ ħlas ugwali għall-istess xogħol. Il-Gvern għandu jilleġiżla biex il-paga u l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema tal-kuntrattur jew ta’ aġenziji tax-xogħol temporanju jkunu ugwali għal dawk tal-ħaddiema direttament impjegati fl-istess post tax-xogħol fejn huma jkunu qed iservu speċjalment fil-privat. Meta qed ngħidu ħlas qed ninkludu wkoll benefiċċji marbuta max-xogħol.

Intqal ukoll li l-liġi tax-xogħol għandha tkun emendata biex tirrifleti r-realtà tal-lum. Dan billi jkun hemm aġġornament u reviżjoni tal-Works Regulation Order li jirregolaw il-kundizzjonijiet tax-xogħol f’diversi setturi. Introduzzjoni ta’ upskilling pathways għall-ħaddiema adulti biex l-esperjenza tingħata valur; 

Il-GWU ħeġġet lill-Gvern biex ikompli l-proċess li diġà nbeda dwar li l-ħlas tas-sahra jiġi ntaxxat b’rata favorevoli. Dan il-proċess kien beda f’budget preċedenti u din il-wegħda għandha titwettaq kollha. 

Qed tipproponi wkoll li l-gvern għandu jilleġiżla biex f’każ li ħaddiem fuq kuntratt definit jingħalaqlu l-kuntratt tiegħu, jekk l-istess post tax-xogħol ikun irid jimpjega fl-istess pożizzjoni, dan għandu jerġa’ jibgħat l-ewwel għall-istess persuna li jkun skadielha l-kuntratt definit sa żmien sena. B’hekk il-ħaddiema jingħataw aktar stabbiltà f’xogħolhom. 

Għandu jiżdied ukoll l-investiment fl-Awtorità tas-Saħħa u Sigurtà fil-post tax-xogħol. Qed ikun propost ukoll inċentiv finanzjarju biex aktar ħaddiema jitħajru jieħdu taħriġ vokazzjonali.

Proposta oħra hija dik ta’ leave speċjali għal dawk li ma jkunux jistgħu jmorru x-xogħol għax ikollhom it-tfal ma jifilħux jew familjari li jgħixu fl-istess dar.

Forom ġodda ta’ xogħol

Il-GWU temmen fil-flessibilità fix-xogħol iżda mhux fid-drittijiet. Fost il-forom ġodda ta’ xogħol hemm it-teleworking, remote working, u dawk fil-gig economy. 

L-union qed tipproponi sistema ta’ kontribuzzjoni ta’ sigurtà soċjali biex tirrifletti dawn ix-xejriet ta’ forom ġodda ta’ xogħol. Dan minħabba li diversi ħaddiema qed jagħmlu diversi impjiegi fuq bażi part-time iżda l-kontribuzzjoni titħallas fuq part-time wieħed.  

Il-GWU temmen fl-importanza li jiġu żgurati d-drittijiet kollha tal-ħaddiema u d-dinjità tagħhom. Huwa wkoll essenzjali li l-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja tal-persuna jibqa’ hemm u x-xogħol ikun għall-bniedem u mhux il-bniedem għax-xogħol. 

Il-GWU qiegħda tipproponi wkoll li d-dritt li ħaddiem jaħdem mid-dar jew le għandha tkun tal-impjegat innifsu u approvata minn min iħaddem. Biex jintlaħaq dan il-għan, l-union qed tipproponi tibdil fil-liġi.

Intqal ukoll li l-bidliet kollha li qed isiru fid-dinja tax-xogħol jitolbu li l-leġiżlazzjoni dwar ir-Right to Disconnect tidħol fis-seħħ.

Skema ta’ benefiċċji għal aċċident personali fuq il-post tax-xogħol 

Wara li fuq proposta tal-GWU il-Gvern daħħal l-iskema ta’ benefiċċji għal aċċidenti personali fuq il-post tax-xogħol għall-ħaddiema tal-Korpi Dixxiplinati u eventwalment ġiet estiża għal diversi ħaddiema oħra, wasal iż-żmien li din l-iskema tiġi estiża għal kull ħaddiema fis-servizz pubbliku / settur pubbliku. Dan għandu japplika wkoll għall-ħaddiema tas-settur privat li jagħtu servizz f’entitajiet pubbliċi. 

Il-Ġestjoni tar-Riskju u l-Ħarsien tal-Impjiegi

Din il-proposta hija intiża biex permezz tagħha n-negozju privat jimmaniġġja r-riskju tiegħu u tal-impjegati waqt kriżi jew pandemija.  

Il-proposta tikkonsisti f’obbligu permezz ta’ liġi fejn in-negozju privat irid jibni u jżomm ammont ta’ assi likwidi jew flus kontanti f’banek jew bonds ta’ kwalità għolja li jistgħu jiġu likwidati faċilment biex iservu bħala buffer għal żmien qasir. Dawn l-assi jeħtieġu jkopru 75% tal-paga medja f’dak il-post tax-xogħol partikolari. Din ir-regola għandha tkun tgħodd għal kull post tax-xogħol. 

Living Income 

Jekk bħala pajjiż nemmnu li kull ċittadin għandu jkollu dħul diċenti allura għandna naħdmu biex jidħol il-kunċett tal-Living Income. 

Bħala GWU flimkien mal-Alleanza Kontra l-Faqar (AKF), u l-Moviment Graffitti qed issir ħidma bil-għan li tiġi definita u stabbilita l-Living Income għal tipi ta’ familji u individwi differenti f’Malta.

L-għan huwa li jiġi stabbilit livell diċenti biex jgħixu ħajja ta’ kwalità. Meta qed nitkellmu dħul qed nitkellmu f’qafas totali li jista’ jinkludi aspetti kollha bħall-paga, il-benefiċċji soċjali, il-pensjoni, l-edukazzjoni u s-saħħa fost oħrajn.

Fil-fehma tagħha, il-GWU qalet li l-Living Income huwa dak il-livell minimu ta’ dħul li bih familja jew individwu f’Malta tkun qed tgħix ħajja diċenti u dinjituża mingħajr ir-riskju li taqa’ fil-faqar. Dan jiġi kkalkulat abbażi ta’ basket ta’ prodotti u servizzi li huma bżonnjużi.     

Regolarizzazzjoni tal-Permessi tax-Xogħol 

Il-GWU qed tipproponi li l-gvern iniedi perjodu, li matulu kull ħaddiem li ġej minn pajjizi terzi u daħal f’Malta b’mod legali u spiċċa bla permess jingħata ċans li jirregolarizza l-pożizzjoni tiegħu.

Anzjanità Attiva

Il-GWU temmen ukoll li l-anzjanità attiva u intergenerational approach jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni fl-indirizzar tal-isfidi tas-suq tax-xogħol peress li jiżguraw li riżorsi umani u esperjenza ta’ valur jinżammu għall-itwal żmien possibbli. Il-kontribuzzjoni ta’ professjonisti anzjani u ħaddiema hija essenzjali għas-suċċess tan-negozju u l-ekonomija. 

Għalhekk, il-GWU qed tipproponi li l-Gvern joħloq ambjent favorevoli biex jiżgura li s-servizz tal-impjegati jinżamm sal-età tal-irtirar, u possibilment lil hinn, jekk jitolbuh l-istess ħaddiema b’mod volontarju. 

Huwa meħtieġ qafas ta’ politika li jippromwovi u jippremja l-parteċipazzjoni attivà fis-suq tax-xogħol jew ħaddiema anzjani, jekk tkun l-għażla tagħhom. 

Settur marittimu 

Dwar is-settur marittimu, il-GWU qiegħda tipproponi li baħħara ta’ bastimenti reġistrati f’Malta, ikollhom l-impjieg tagħhom reġistrat mal-awtoritajiet lokali biex b’hekk jitħarsu d-drittijiet tagħhom u jinqata’ l-abbuż fuqhom.

Il-GWU temmen li l-kundizzjonijiet tal-impjieg, tal-għajxien u l-assigurazzjoni tal-ħaddiema kollha li jaħdmu fuq bastimenti tas-sajd għandhom ikunu regolati. 

Żgħażagħ 

Bħalissa ħaddiema ta’ 16 jew 17-il sena minkejja li jħallsu l-kontribuzzjoni soċjali din ma tkunx tgħodd għal meta huma jiġu għall-pensjoni. Għaldaqstant qed ikun propost li l-kontribuzzjoni soċjali tal-ħaddiema ta’ 16 u 17-il sena tibda tgħodd ukoll fil-kalkolu tal-bolol imħallsa għall-pensjoni kontributorja.

Il-GWU qed tipproponi wkoll tibdil fil-liġi biex ċittadini ta’ 16 u 17-il sena jibdew igawdu mil-Libertà ta’ Assoċjazzjoni kif garantita mill-Kostituzzjoni ta’ Malta, mingħajr ma jkollhom bżonn il-kunsens ta’ nies akbar minnhom. 

Ekonomija 

Il-GWU qed tipproponi li l-Gvern permezz tan-NDSF għandu jalloka somma ta’ €10 miljun biex jiġi koinvestit bi sħab mal-privat forma ta’ PPP f’kumpaniji ġodda li jeħtieġu nefqa kapitali ogħla. 

Qed ikun propost tnaqqis fir-rata ta’ bolla u kreditu tat-taxxa fuq il-pagi f’intrapriżi żgħar u medji. Proposta oħra hija dik ta’ żieda fl-investiment fil-manifattura speċjalment dak ta’ valur miżjud għoli. 

L-union qed tipproponi wkoll li l-Gvern jerġa’ jagħti sett ieħor ta’ vouchers biex ikompli jistimula d-domanda interna. 

Moratorji mill-banek fuq self tad-djar għall-ħaddiema kollha 

Il-GWU qiegħad tħeġġeġ illi f’dan iż-żmien diffiċli għall-ekonomija ġenerali l-Gvern, permezz ta’ Avviż Legali, ikompli jassigura moratorju mill-banek fuq il-pagamenti kollha tas-self, ta’ mhux anqas minn sena, liema moratorju jibda b’mod immedjat. Dan il-benefiċċju għandu jingħata lill-ħaddiema kollha mingħajr distinzjoni.

Edukazzjoni 

Qed ikun propost li l-benefiċċji tal-breakfast, 3-16 Club u Summer School għandhom jiġu obbligatorji għall-iskejjel kollha inkluż dawk tal-knisja u tal-privat. 

Dan filwaqt li jiiżdiedu wkoll l-attivitajiet fiżiċi u ssir kampanja edukattiva u għajnuna biex aktar studenti jidħlu fl-iskola marittima. 

Barra minn hekk, il-General Workers’ Union qed tipproponi li Jobsplus jibda jagħti servizz ta’ gwida fil-postijiet tax-xogħol biex ħaddiema jingħataw opportunità li jtejbu l-ħiliet tagħhom biex ikunu jistgħu jimlew il-vakanzi li kontinwament jinħolqu fil-postijiet tax-xogħol. 

Il-GWU qiegħda tipproponi żieda fil-boroż ta’ studju u inċentivi oħra biex aktar ħaddiema jsegwu aktar studji u taħriġ professjonali. 

Ambjent, Kwalità tal-Ħajja u Infrastruttura 

Il-GWU qed tipproponi li jiżdiedu l-pieni għal min jinqabad jarmi fil-kampanja tagħna. Dan għandu jkun ikkumplimentat b’kampanja edukattiva u żieda fl-infurzar. 

Għandha tiġi mnedija s-sistema ta’ ġbir tal-fliexken tal-plastik u titkompla  l-kampanja ta’ edukazzjoni dwar is-separazzjoni tal-iskart u tiġi infurzata l-leġiżlazzjoni b’mod rigoruż.

Għandu jitkompla l-investiment fit-tħawwil ta’ siġar u afforestazzjoni ta’ spazji miftuħa kif ukoll jingħataw sussidji fuq gyms jew health saloons ħalli tkun aktar faċli għan-nies jieħdu ħsieb saħħithom. 

Skemi għal trasport alternattiv bħal muturi u roti, kif ukoll toroq aħjar u siguri minn fejn jistgħu jgħaddu. 

Il-GWU qed tipproponi li jissaħħaħ l-infurzar tal-liġi fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent, li l-kosta tibqa’ aċċessibbli għall-pubbliku u fuq l-istorbju żejjed li jinħoloq mill-ġirien u kemm mill-industrija tal kostruzzjoni. 

Il-GWU qed tipproponi wkoll li jkun protett l-ilma ta’ taħt l-art minn ċittadini u kumpaniji li qed jisirqu l-ilma naturali mingħajr ebda permess. 

Żoni industrijali 

Għandu jkun hemm estensjoni tas-servizz tat-trasport pubbliku fil-ħinijiet ta’ bil-lejl lejn żoni industrijali, kif ukoll ikun hemm l-introduzzjoni ta’ trasport pubbliku dirett bejn żoni industrijali u l-irħula. 

Għandu jkun ikkunsidrat l-investiment ta’ faċilitajiet ta’ Child Care u klinika f’kull żona industrijali u l-ħinijiet ikunu estiżi għal 24 siegħa f’każi fejn ikun hemm involut xogħol bix-xift. 

Għandha tiġi wkoll introdotta sistema ta’ transport pubblika indipendenti mis-sistema tat-trasport pubblika bejn kull lokalità u żoni industrijali. 

Qasam Soċjali 

Il-GWU tipproponi li l-mekkaniżmi attwali ta’ ġbir u sanzjoni tad-dħul jiġu riveduti u msaħħa kif xieraq, u min iħaddem jinżamm responsabbli sabiex jinġabru l-kontribuzzjonijiet tal-kontribuzzjoni tas-sigurtà soċjali u taxxi tal-passat. 

Pensjonanti 

Dwar il-pensjonanti, il-GWU temmen li l-pass li jmiss huwa r-reġistrazzjoni awtomatika b’opt-out fi skemi privati tal-pensjoni biex tissupplimenta d-dħul tal-pensjonanti. 

Sabiex jitħeġġu aktar nies jinvestu fi pjan ta’ pensjoni privata, il-‘policies’ tal-pensjonijiet għandhom isiru aktar attraenti. 

Il-Cost of Living Bonus għandu jingħata lil kulħadd l-istess u li m’għandux ikun hemm distinzjoni fir-rata tal-pensjoni bejn dawk li twieldu kemm qabel jew wara l-1962.

Il-GWU saħqet ukoll li wasal iż-żmien li tiżdied ukoll il-pensjoni massima taż-żewġ terzi ta’ dawk li twieldu sas-sena 1961.

Kultura u Saħħa 

Għandhom isiru l-arranġamenti meħtieġa biex iċ-Ċentri tas-Saħħa kollha joffru servizz u kura 24 siegħa kuljum. Għandu jingħata aktar inċentivi u għajnuna lis-settur tal-kultura u arti. Is-Saħħa Mentali għandha tibqa’ tkun prijorità. 

L-użu b’mod responsabbli tal-kannabis 

Il-GWU diġà esprimiet ruħha favur ir-riforma proposta fil-white paper imnedija mill-Gvern imsejħa, ‘Lejn it-Tisħiħ tal-Qafas Legali għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis’. Il-GWU hija favur id-dekriminalizzazzjoni tal-użu tal-kannabis.

Saħqet li hija lesta biex waqt il-proċess ta’ diskussjoni tieħu sehem b’mod attiv dwar l-impatt ta’ din ir-riforma fuq il-ħaddiema u l-ftehim kollettiv kif ukoll fuq il-liġi tax-xogħol. 

Għawdex 

Għandha tibqa’ tingħata għajnuna għal min joħloq impjiegi fil-privat ġewwa Għawdex. 

Ikompli wkoll l-investiment fis-servizz tal-edukazzjoni fil-gżira Għawdxija partikolarment billi jiżdiedu aktar korsijiet Universitarji, u dawk relatati mal-MCAST u l-JobsPlus. 

Għandu jkun hemm investiment f’faċilitajiet moderni u permanenti biex cruise liners biex jagħmlu waqfa f’Għawdex. F’dan il-kuntest għandhom ikunu introdotti skemi li permezz tagħhom ikunu attirati investimenti ġodda marbuta mas-settur turistiku u ma’ turisti ta’ livell għoli. 

Finalment, għandu jkompli jsir titjib infrastrutturali ġenerali f’Għawdex speċjalment fiż-żoni turistiċi, kif ukoll f’dawk industrijali. 

Sport