L-Erbgħa li għadda, fil-Parlament, ittieħdu tliet voti importanti. Vot minnhom kien dwar l-implimentazzjoni tal-miżuri tal-Budget, ieħor dwar mozzjoni li tiċċensura deputat nazzjonalista u ta’ appoġġ għall-ħidma tal-Ispeaker u t-tielet vot kien dwar ir-riforma fil-liġi tal-inkjesti maġisterjali.
Fit-tliet voti, il-membri tal-Gvern ivvutaw favur mentri l-Oppożizzjoni vvotat kontra tnejn minnhom u ma vvutatx, għax telqet il-barra dwar il-mozzjoni ta’ appoġġ għall-Ispeaker.
Għalhekk fuq naħa kellna l-Gvern li vvota favur aktar l-investiment fin-nies b’dak li qed ikun meqjus bħala l-aqwa Budget soċjali fl-istorja. Min-naħa l-oħra, kellna Oppożizzjoni li għażlet li tivvota kontra dan kollu.
Dwar l-atteġġjamenti li rajna dan l-aħħar, b’mod partikolari l-attakk li sar fuq l-Ispeaker minn deputat tal-PN u l-abbandun ta’ parti mis-seduta parlamentari, konna diġà sħaqna li aġir bħal dawn huwa kundannabbli u ma jagħmilx ġid lil min ikun għamlu.
Il-fatt li l-membri tal-Oppożizzjoni għal darb’oħra ħarġu ’l barra u abbandunaw il-vot fis-seduta tal-Parlament sempliċiment għax kienet tiċċensura deputat tagħha, minnha nfisha turi nuqqas ta’ rispett lejn l-elettorat li eliġġihom fil-parlament.
Għalhekk il-ġrajjiet tal-aħħar jiem għandhom għax ikomplu jiftħulna għajnejna dwar x’politika jħaddan u jmexxi l-PN li għal aktar minn darba ġiet rifjutata u mwarrba mill-poplu Malti u Għawdxi.
M’aħniex nagħtu tort lill-membri kollha tal-Oppożizzjoni għal tali aġir irresponsabbli, anke minħabba li kien hemm minnhom stess li skużaw ruħhom ta’ dak li sar minn uħud minn sħabhom stess fil-konfront tal-Ispeaker.
Sħaqna kemm-il darba minn dawn il-kolonni li l-mod ta’ politika sana mhuwiex bl-atteġġjament ta’ tgħajjir u żeblih, imma kritika kostruttiva li ma tattakkax lill-messaġġier iżda lill-messaġġ.
Min-naħa l-oħra, f’dak li għandu x’jaqsam mal-Budget għal din is-sena, dan kompla jżid mal-kullana ta’ miżuri li diġà ttieħdu minn dan il-Gvern li huma ta’ benefiċċju għall-poplu Malti u Għawdxi kollu.
Iżda l-oppożizzjoni ma ħasbithiex l-istess bil-vot tagħha kontra. Għalhekk b’dan kollu f’moħħna, anke wara li għaddew it-tliet voti, il-Gvern Laburista qiegħed juri biċ-ċar x’politika qiegħed iwassal – dik ta’ bidliet favur in-nies u kontra attakki jew mibegħda.