Sunday, September 27, 2026
Home Fehmietna Realtà intollerabbli… li ma tistax tiġi miċħuda

Realtà intollerabbli… li ma tistax tiġi miċħuda

0
70

Kien proprju nhar il-Ħamis 24 ta’ Settembru meta l-Prim Ministru Iżraeljan, Benjamin Netanyahu indirizza n-Nazzjonijiet Uniti. F’dak il-mument ir-rappreżentanti ta’ 77 pajjiż iddeċidew li jitilqu ‘l barra.  Netanyahu ma jaħsibhiex darbtejn, b’ħarsa xejn sabiħa jkun pront jiddikjara “qabel ma nibda, avviż qasir. Jekk fadal xi kodard morali ieħor f’din is-sala li għadu ma ħariġx, jekk jogħġbok agħmel hekk issa. Grazzi ħafna.”

M’hemmx dubju li din kienet sentenza li ħasdet lil min kien qiegħed isegwi dan id-diskors. Dikjarazzjoni aggressiva għall-aħħar. Dikjarazzjoni li turi li min għamilha ma fehem xejn x’kien il-messaġġ qawwi ta’ dawk li kellhom il-kuraġġ joħorġu ‘barra u jwasslu messaġġ. Netanyahu imma ma jirrifletti xejn fuq dak il-messaġġ. Jagħżel li jistabbilixxi t-termini tad-diskors tiegħu. Ipoġġi tikketta ma’ dawk li ħarġu ‘lbarra. Isejħilhom saħansitra kodardi morali. Jiġifieri persuni li mhux lesti jieħdu pożizzjoni jew jagħmlu dak li jemmnu li hu tajjeb, minħabba l-biża’, il-pressjoni jew il-konsegwenzi. Dissens politiku li Netanyahu jiddeskrivieh u jiddikjarah bħala kodardija morali. 

B’disprezz fuq wiċċu li imbagħad jiġi rifless fi kliemu, smajna dikjarazzjonijiet oħra qawwijin u xokkanti. Iċ-ċaħda għal kollox ta’ dak li ilu jingħad u jiġi dokumentat. Jiġifieri li f’Gaża twettaq ġenoċidju. Għal Netanyahu, kif iddeskriviha hu stess din  hi l-gidba tas-seklu.

Ovvjament, lil hinn mid-diskors studjat u ppreparat sa l-inqas dettal, anke biex jirbaħ punti politiċi f’Iżrael stess għax dalwaqt se ssir l-elezzjoni ġenerali, dan id-diskors sar f’realtà li hi intollerabbli. Il-mod kif aġixxa Netanyahu, hu proprju l-mod ta’ kif wieħed jaġixxi meta għandu realtà intollerabbli. Rajnieh fid-diskors tiegħu jinnaviga id-diversi forom ta’ ċaħdiet. Iċ-ċaħda assoluta. Iċ-ċaħda interpretattiva li tirrikonoxxi l-fatt iżda interpreta mill-ġdid it-tifsira tiegħu. Iċ-ċaħda implikatorja fejn jirrikonoxxi r-realta iżda l-konsegwenzi morali u politiċi tagħha jiġu newtralizzati. 

Rajnieh jiċħad jew ikkontesta diversi akkużi ewlenin kontra l-gvern u l-militar Iżraeljan: Ċaħad kategorikament li Israel wettaq ġenoċidju. Sejjaħ l-akkuża “l-akbar gidba tas-seklu” u argumenta saħansitra li Iżrael kien qed jipprevjeni ġenoċidju, mhux iwettqu. Semma l-għajnuna umanitarja, il-vaċċini u l-miżuri li, skontu, ittieħdu biex jiġu protetti ċ-ċivili. Dwar li Iżrael  deliberatament qed jimmira liċ-ċivili f’Gaża, hu sostna li ttieħdu l-passi biex jitnaqqsu il-vittmi ċivili, fosthom twissijiet ta’ evakwazzjoni, telefonati u fuljetti. Tkellem dwar il-vjolenza tal-kolonizzaturi fix-Xatt tal-Puent u wart li rrikonoxxiha, naqqas il-problema għal grupp żgħir ta’ persuni li sejħilhom bħala ‘delinkwenti’ u kkontesta l-mod kif il-vjolenza tal-kolonizzaturi kienet qed tiġi ppreżentata internazzjonalment.

Iwieġeb għall-akkuża li l-attakki ta’ Iżrael fuq l-Iran kienu aggressjoni mhux ġustifikata. Netanyahu jiddefendi l-attakk fuq il-faċilitajiet nukleari Iranjani bħala kwistjoni ta’ sopravivenza u qal li, kieku Iżrael ma aġixxiex, kien ikun hemm theddida katastrofika.

Iwieġeb għall-akkuża li Iżrael qed jxerred diżinformazzjoni u għal darba oħra minflok aċċetta dik il-karatterizzazzjoni, Netanyahu jiddikjara li hemm “front” ieħor kontra Iżrael u akkuża media internazzjonali, medja soċjali u gvernijiet bħall-Qatar u tat-Turkija li qed ixerrdu narrattivi kontra Iżrael u kontra l-Lhud.  Kienet ċara li l-aktar ċaħda ċara fid-diskors kienet dik tal-ġenoċidju f’Gaża. Imbagħad id-diskors ipprova jikkontesta wkoll l-interpretazzjoni tal-kriżi umanitarja, il-vjolenza fil-West Bank u l-karattru tal-gwerra kontra l-Iran.

Imma lil hinn minn diskors ppreparat u intiż għal udjenzi partikolari, il-fatti llum ma jista’ jmerihom ħadd. Li Gaża hi borg ġebel, hu fatt li wieħed jarah mill-filmati u ritratti li jixxandru. Naraw ta’ kuljum bini li spiċċa mfarrak u mġarraf. Nies reqdin fil-kampijiet f’kundizzjonijiet mill-aktar diffiċli u mill-agħar.

Li intużat l-arma tal-ġuħ waqt l-attakki li kienu qegħdin isiru fuq każi hu fatt ieħor iddokumentat. Rajnihom in-nies litteralment imsakkrin qishom f’gaġeġ waqt li jmorru għall-ikel. Rajna mill-filmati u mir-ritratti, in-nies jitkarrbu bil-ħniena għall-ikel. Rajna kif xi wħud spiċċaw inqatlu waqt li marru jipprovaw jakkwistaw xi ikel għal familthom. Qrajna ir-rapport li nħarġu dwar il-kriżi ta’ nuqqas ta’ ikel li kien hemm. Ġew irrekordjati testimonjanzi ta’ nies u t-tbatija li kienu għaddejjin minnha.

Rajna l-isptarijiet jiġu attakkati. Filmati u ritratti ta’ sptar wara sptar ikunu fil-mira. Ta’ kuljum konna naraw l-immaġini ta’ persuni li jkunu tilfu ħajjithom bl-attakki ma jaqtgħu xejn ta’ Iżrael. Trabi. Tfal. Nisa. Irġiel. Anzjani. Illum qegħdin nitkellmu fuq eluf kbar ta’ persuni ċivili li spiċċaw bla ħajja. 

Hemm filmati ta’ tfal imqattgħin biċċiet, maħruqa, b’balal f’rashom.Tfal li mietu bil-ġuħ u bil-kesħa. Oħrajn spiċċaw għadma u ġilda waqt il-krizi tan-nuqqas ta’ ikel. 

Kif tista’ tiċħad dawn ir-realtajiet? Kif tista’ tiċħad it-tbatija kbira li għaddew minnha u għadhom għaddejjin minnha in-nies f’Gaża. Kif tista’ tiċħad l-ammont ta’ ġurnalisti li inqatlu f’Gaża? F’attakki minn Iżrael fuq Gaża li ilhom għaddejjin minn Ottubru tas-sena 2023, hu stmat li mietu madwar 75,000 persuna. Hemm 175,000 oħra midrubin. Hemm elf oħrajn neqsin. Aktar minn 20,000 ta’ dawk mejtin huma tfal.  Ma’ dawn hemm 250 ġurnalist li tilfu ħajjithom.

Din hi statistika dokumentata. L-ebda diskors, imħejji kemm hu imħejji ma jista’ jiċħad dawn ir-realtajiet.  M’hemm ebda dubju li d-diskors ta’ Netanyahu kien maqtugħ mir-realtà.

Wieħed ma jridx jinsa li f’Settembru tas-sena 2025, il-Kummissjoni Internazzjonali Indipendenti ta’ Inkjesta tan-NU ikkonkludiet li l-awtoritajiet u l-forzi Iżraeljani kien wettqu u kienu qed ikomplu jwettqu erba’ atti pprojbiti mill-Konvenzjoni dwar il-Ġenoċidju, u li kien hemm l-intenzjoni meħtieġa biex tinqered, kompletament jew parzjalment, il-popolazzjoni Palestinjana f’Gaża.

Ma dan, Amnesty International u Human Rights Watch ukoll ikkonkludew li l-evidenza tappoġġja l-konklużjoni li qed iseħħ ġenoċidju. Imbagħad hemm il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja (ICJ) li għadha qed tittratta l-kawża tal-Afrika t’Isfel kontra Iżrael. 

Wieħed jittama li l-poplu Iżraeljan jinduna li biex jgħixu fil-paċi, biex tinbeda it-triq għall-paċi f’Gaża, soluzzjoni waħda hemm. Dik li ma jibqax fil-poter Netanyahu. Il-poplu Iżraeljan għandu ċ-ċans li jwettaq din il-bidla proprju fis-27 ta’ Ottubru fl-elezzjoni ġenerali. 

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here