Waqt il-Pontifikal ta’ Jum l-Indipendenza l-Arċisqof Charles Jude Scicluna dawwar il-kanuni tiegħu fuq “sieħbu” l-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma sabiex jilqa’ għall-kritika li espona ruħu għaliha meta għamel omelija li tirrifletti l-linja tal-establishment tal-Partit Nazzjonalista.
Hu fakkar li fl-indirizz reċenti tiegħu fil-konferenza ‘L-Istat tan-Nazzjon’, tkellem dwar il-ħsara li ssir lin-nazzjon tagħna u lir-reputazzjoni tiegħu minħabba allegazzjonijiet ta’ korruzzjoni u netwerks ta’ flus, poter, pjaċiri u protezzjoni. Kien wissa li meta netwerks informali jsiru aktar b’saħħithom mill-istituzzjonijiet il-periklu jmur lil hinn minn atti individwali ta’ korruzzjoni, “dawn isiru theddida għall-integrità, u fl-aħħar mill-aħħar għall-indipendenza, tan-nazzjon innifsu; nazzjon li jappartjeni lilna lkoll, irrespettivament mill-kulur politiku u t-twemmin tagħna”.
L-Arċisqof qal li fid-dawl ta’ dan l-episodju ta’ wġigħ kbir għal pajjiżna, xi nies għażlu li jiffukaw fuq il-preġudizzji u n-narrattiva tagħhom jew xi skumditajiet żgħar.
Hu qal li jippreferi jaħseb f’dawk li qed iġorru ġrieħi profondi li ma jistgħux sempliċement jitħassru bi ftit insulti jew bi kliem imħejji bir-reqqa: bħall-familja ta’ Daphne Caruana Galizia, li wara disa’ snin ta’ wġigħ għadha tfittex ġustizzja sħiħa għall-qtil tagħha; u l-ħafna nies tajbin f’pajjiżna li tilfu l-fiduċja fl-istituzzjonijiet għax jibżgħu li dawn qed jaqdu netwerks ta’ flus u ta’ poter, minflok lin-nies li għalihom inħolqu biex jagħtu servizz.
Wara din il-kritika kien pront jgħid li dak li nitolbu mill-Istat, “aħna fil-Knisja rridu wkoll inkunu ugwalment lesti li nitolbuh minna nfusna”.
Qal ukoll li kif spiss isemmi meta jitkellem dwar il-ħarsien tat-tfal, il-prudenza u l-abbiltà li tipprevedi l-futur huma inkompatibbli mal-omertà, jew ma’ arranġamenti li jimponu s-skiet fuq il-vittmi jew il-familji tagħhom.
Qal li għaldaqstant jemmen li t-trasparenza, il-previżjoni u l-kontabbiltà għandhom ikunu valuri fil-governanza kemm tal-Istat kif ukoll tal-Knisja, “meta aħna, bħala mexxejja fi ħdan il-Knisja, infallu f’din ir-responsabbiltà, ix-xhieda tagħna tiġi fix-xejn u l-ministeru tagħna jiġi imminat”.
Il-kritika fil-konfront tal-Isqof Teuma kienet ċara. Din l-omelija kompliet titfa’ pressjoni fuq l-Isqof Teuma. Saċerdoti mid-Djoċesi ta’ Għawdex li tkellmu ma’ IT-TORĊA qalu li l-Isqof Teuma qed tinġibidlu l-attenzjoni li daħħal lilu nnifsu fi problema kbira meta ma ppubblikax ir-rapporti tas-Safeguarding Commission u l-Bord Indipendenti li ħatar dwar il-kas ta’ stupru fuq tifla ta’ 14-il sena mill-aħwa Said magħrufin bħala tal-Ganga tan-Nadur u li “tmewwet” bl-intervent ta’ kuġinuhom Dun Mikiel Said li llum huwa l-Arċipriet tal-Parroċċa taż-Żebbuġ u li l-Isqof Teuma mank widdbu jew ħareġ ordni pubblika lill-kleru biex ma jostakolax il-ġustizzja.
Dawn is-saċerdoti qed jgħidu wkoll li l-Isqof Teuma jinsab f’pożizzjoni impossibbli għax kieku ħa azzjoni kontra Dun Mikiel Said kienet tiġi interpretata bħala kritika tan-nuqqas ta’ azzjoni tal-predeċessur tiegħu Dun Mario Grech, illum il-Kardinal Grech. Dawn is-sorsi jgħidu li Grech għad għandu influwenza fid-djoċesi Għawdxija. L-id il-leminija tiegħu Monsinjur Eddie Zammit jokkuppa karigi sensittivi u importanti fi ħdan id-Djoċesi. Zammit huwa fil-fatt il-Kanċillier tal-Kurja u anki President tal-Kapitlu Katidrali bit-titlu ta’ Arċidjaknu. Karigi li jqegħduh fiċ-ċentru ta’ kulma jiġri fid-djoċesi ta’ Għawdex. Dawn is-saċerdoti Għawdxi qalulna li b’ hekk l-Isqof Teuma għandu jdejh marbutin għax kull pass li jieħu li jista’ jitfa’ dell ikrah fuq il-Kardinal Grech jjista’ jiġi mblukkat mill-Arċidjaknu u Kanċillier Zammit.
L-istess sorsi qalulna wkoll li ċ-ċamata tal-Arċisqof Scicluna għandha tiġi mifhuma wkoll f’ dan id-dawl. Anzi żiedu jgħidu li hija kritika xejn sottili lejn Grech.
Osservaturi tax-xena ekkleżjastika Maltija jfakkru li Scicluna għadu mgħaddab għall-mod kif Grech indiehes mal-Papa Franġisku li eventwalment “qelibhielu” u laħaq Kardinal hu. Scicluna għandu kemm ħbieb u għedewwa fil-kulturi tal-Vatikan imma hu meqjus bħala paċenzjuż. U jaf jibgħat messaġġ. U dan il-messaġġ kien ċar għax żgur se jasal fil-Vatikan grazzi għall-medja li rrappurtat l-omelija mill-ewwel.
