L-Iran stqarr li se jistenna tweġiba uffiċjali min-negozjaturi Amerikani. Dan wara li l-President Donald Trump irrifjuta proposta biex jerġa’ jinfetaħ l-Istrett ta’ Hormuz għat-traffiku marittimu kummerċjali fi żmien sebat ijiem.
Fi stqarrija fuq Telegram, il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Iranjan, Abbas Araghchi irrikonoxxa d-deċiżjoni li ddikjara Trump, iżda akkużah li qabel kien għamel dikjarazzjonijiet kontradittorji.
Aktar kmieni, Trump f’kumment li kien ta lill-ġurnalisti fil-White House, qal li l-proposta ta’ Tehran ma kinitx aċċettabbli u li huma riedu jilħqu ftehim biex jiftħu l-istrett immedjatament għax qed jitilfu ħażin ħafna.
Nhar il-Ġimgħa, waqt li kien fin-Nazzjonijiet Uniti, Araghchi qal lill-ġurnalisti li jista’ jintlaħaq ftehim jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet meħtieġa bejn iż-żewġ pajjiżi.
Araghchi qal li l-kundizzjonijiet biex jinfetaħ l-istrett kienu l-istess dawk inklużi fil-memorandum ta’ ftehim bejn l-Istati Uniti u l-Iran li kien ġie ffirmat f’Ġunju.
L-Iran stqarr li kien qajjem il-kwistjoni dwar il-ftuħ mill-ġdid tal-istrett u t-tmiem tal-ostilitajiet waqt in-negozjati li saru fil-marġini tal-Assemblea Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York matul il-ġimgħa li għaddiet.




