Friday, December 13, 2024

GVERN LI JIEĦU ĦSIEB IN-NIES

Stefan Zrinzo Azzopardi
Stefan Zrinzo Azzopardi
Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali

Aqra wkoll

Kien sinifikanti l-istħarriġ li kkummissjonat it-Times of Malta u li minnu rriżulta l-fatt li l-Maltin u l-Għawdxin iħossu  li l-Partit Laburista huwa l-aktar partit f’Malta li jieħu ħsieb in-nies. U meta tifli sew dan l-istħarriġ issib li l-għadd ta’ dawk li jemmnu li l-Partit Laburista jieħu ħsieb in-nies huwa tlett darbiet aktar minn dawk li jemmnu l-istess dwar il-Partit Nazzjonalista.

B’danakollu riżultat ta’ stħarriġ bħal dan m’huwiex ta’ sorpriża għal min bħali ilu jaħdem fil-Partit Laburista għal bosta snin u kelli l-opportunita nkun fil-qalba tat-tfassil ta’ diversi manifesti elettorali mħejjija għall-elezzjonijiet ġenerali. L-interessi tas-soċjeta inġenerali u b’mod partikolari ta’ dawk l-aktar vulnerabbli tal-popolazzjoni tagħna dejjem kienu fil-qalba ta’ kull ħsieb politiku tagħna. Minn dejjem fassalna miżuri li jgħinu lil dawk l-aktar fil-bżonn u mingħajr l-ebda dubju kull meta l-Partit Laburista kien fdat bl-amministrazzjoni tal-pajjiż wettaq dak li wiegħed biex tul il-medda tas-snin għen lil kulħadd itejjeb il-kwalita tal-ħajja tiegħu.

Huwa f’dan l-ispirtu li qegħdin nerġgħu immorru quddiem l-elettorat nitolbuh il-fiduċja bi proposti li ħa jkomplu jtejjbu l-ħajja tal-familji Maltin mhux l-anqas ta’ dawk l-aktar fil-bżonn fostna. Biżżejjed insemmu ż-żidiet li qegħdin nipproponu għall-pensjonijiet fejn fuq medda ta’ ħames snin se nżiduhom b’€15 fil-ġimgħa, kważi id-doppju ta’ dak li wegħdna qabel l-elezzjoni tal-2017 għalkemm tul din il-leġiżlatura li qed tintemm, żidna l-pensjonijiet saħansitra aktar minn dak li wegħdna. U għall-anzjani se nkunu qed inwettqu l-wegħda tagħna li kull kull pensjonant f’Malta jkun intitolat għall-mediċini b’xejn.

Mill-ġdid se nkunu qed nerġgħu nżidu ċ-childrens allowances b’€90 fis-sena għal ħames snin konsekuttivi u l-inwork benefit b’€200 fis-sena fuq medda ta’ erba’ snin. Se nkomplu ngħinu lill-familji bit-tibdil fit-tax bands bil-għan li dawn jibqagħlhom aktar flus fil-but. Se ngħinu lil dawk li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità severa billi se nżidulhom l-allowance tagħhom minn €500 għal aktar minn €4000. Se nkomplu ngħinu lill-first time buyers billi nħallsulhom lura €1000 fis-sena għal għaxar snin sħaħ u b’hekk innaqqsulhom il-piż fuq l-interessi li jkunu qed iħallsu fuq is-self li jkunu ħadu.

Meta se nkunu qed inżidu l-istipendji tal-istudenti bi 15%, ukoll se nkunu qed ngħinu lil lill-familji tagħna bħalma se nkunu qed nagħmlu l-istess bit-tliet għotjiet ta’ €500 fis-sena biex inħajru lit-tfal ikomplu jistudjaw wara li jagħlqu s-sittax-il sena. 

Anke bil-miżuri li ħabbarna għall-qasam edukattiv se nkunu qed ngħinu lin-nies. L-għotja ta’ laptop għal kull min jibda l-edukazzjoni fil-livell sekondarji żgur li se tiffranka l-flus lil għadd kbir ta’ familji Maltin u Għawdxin għaliex din l-għodda illum saret essenzjali fl-iżvilupp edukattiv ta’ uliedna. 

Mhux ta’ b’xejn li l-poplu tagħna jqis li l-Partit Laburista huwa l-aktar wieħed li jieħu ħsieb in-nies. Ma jistax ikun mod ieħor għax dejjem dejjem tajna prova tiegħu tul il-mitt sena li ilu jeżisti l-Partit Laburista. Huwa għalhekk li qed nerġgħu mmorru quddiem in-nies b’wiċċna minn quddiem u nitolbu vot ta’ fiduċja fil-Mexxej tagħna Robert Abela u fil-Partit Laburista kollu biex inkomplu mmexxu lil pajjiż bl-għajta ta’ Malta Flimkien, Futur Sabiħ.

Ekonomija

Sport