Saturday, December 21, 2024

GVERN LI JISMA’ – GĦADA R-RALLY F’TA’ QALI

Aqra wkoll

Dan il-Gvern taħt l-amministrazzjoni Abela żgur li huwa sinonimu mad-deċiżjonijiet importanti li ħa tul dan iż-żmien diffiċli. Mal-ewwel jiem li ħa l-kariga l-Prim Ministru Robert Abela faqqgħet il-pandemija li ħadd ma kien qiegħed jistenna. Xokk dinji li anke krolla diversi pajjiżi. Kien hemm pajjiżi li ma kinux organizzati tajjeb u s-sistema tas-saħħa tagħhom krollat. Oħrajn raw l-ekonomija tisfaxxa b’ħafna rati ta’ qgħad u kumpaniji jfallu għax ma felħux għad-daqqiet. Hawn Malta differenti. Filwaqt li nirrikonoxxu li kellna ċertu diffikultajiet, irridu ninnotaw li s-sistema tas-saħħa f’pajjiżna baqgħet dejjem taħt kontroll.  Imbagħad toħroġ fid-deher il-viżjoni tal-Prim Ministru Abela li ħa d-deċiżjonijiet fl-aktar mumenti strateġiċi biex wennes lin-negozji, xpruna l-ekonomija u ssalvagwardja l-postijiet tax-xogħol lil eluf ta’ ħaddiema Maltin u Għawdxin.

Fl-istess waqt ukoll, pajjiżna għadda minn proċess ta’ tiġdid fejn tidħol governanza tajba u għal darb’oħra ħa deċiżjonijiet importanti fejn pajjiżna għamel passi l’quddiem fix-xena internazzjonali. Biddel diversi liġijiet fuq rikomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja. Bidliet li għalkemm mhux faċli, dan il-Gvern kellu l-kuraġġ jeħodhom u anke neħħa l-poteri mogħtija lilu matul is-snin l-imgħoddija biex isaħħaħ id-demokrazija f’pajjiżna. 

Madanakollu, l-ħidma ta’ dan il-Gvern baqgħet tinfirex u tinżel f’kull faxxa tas-soċjetà. Dan sabiex il-ħidma politika tagħna tħalli l-effett li kull familja f’Malta u Għawdex. Dan seta’ biss isir għax il-Partit Laburista huwa magħqud flimkien wara l-Mexxej tagħna Robert Abela. B’kuntrarju għall-Partit Nazzjonalista li moħħhom f’xulxin u min ser jiggranfa mal-poter l-iktar, aħna bqajna ffukati nwettqu xogħol indirizzat biex intejbu l-livell t’għixien taċ-ċittadini Maltin u Għawdxin. Bħalissa qegħdin nisimgħu lil xi kandidati, membri parlamentari Nazzjonalisti u anke l-istess Kap tal-Oppożizzjoni jikkritikaw lill-Gvern u anke joħorġu bi proposti fjakki. Jekk kumbinazzjoni joħorġu b’xi proposta tajba serrħu raskom li tkun diġa twettqet u allura tkun bla valur ta’ xejn.

Dan il-Gvern tant ħareġ skemi li kultant meta n-nies jiġu għandi bi problema mhux dejjem ikunu jafu li diġa jkun hemm skema li tindirizza l-problema tagħhom. Dan il-Gvern ħadem bi sħiħ biex jgħolli ‘l fuq lill-ħaddiem, tahom iktar dinjità b’kundizzjonijiet aħjar, naqqas il-faqar, naqqas il-qgħad, kabbar l-ekonomija, żied iktar għajnuniet lill-persuni b’diżabilita’, żied il-penzjonijiet, ħareġ skemi dwar ambjent sostenibbli u iktar nadif u kompla għaddej bi proġetti infrastrutturali.

Din il-ġimgħa innutajt x-xogħol li sar fi Triq Żabbar il-Fgura. Triq li jgħaddu minnha eluf ta’ karozzi u li kellha bżonn din il-manutenzjoni. Jien li se nikkontesta mal-Partit Laburista fuq ir-raba’ distrett, napprezza mmens ix-xogħol li jsir fid-distrett mhux biss għax jibbenefikaw il-kostitwenti tiegħi, imma għax qiegħed jintbagħat l-messaġġ ċar li għalina m’hemmx distinzjoni bejn it-Tramuntana u n-Nofsinhar. Min joqgħod fis-south bħali, jaf li taħt amministrazzjonijiet Nazzjonalisti aħna konna minsijin. Jiftakru fina biss meta jkunu jridu jagħmlu xi proġett b’impatt soċjali u ambjentali u tarahom iwaddbuh in-naħa tagħna. Aħna differenti. Għalina ma jeżistux nies tat-tieni u t-tielet klassi. Tal-PN jgħixu l-klassiżmu anke bejniethom stess u jagħżlu min hu tal-qalbha u min le. Aħna le. Aħna naħdmu flimkien u nistmaw lil kulhadd l-istess għax wara kollox aħna kollha aħwa Maltin. Dan huwa l-kunċett ta’ Team Malta. Li ningħaqdu lkoll flimkien mingħajr distinzjoni ta’ xejn u naħdmu bi sħiħ għall-ġid ta’ dan il-ġawhra ta’ pajjiż. 

Minkejja din il-ħidma holistika li semmejt, dan il-Gvern għad fadallu ħafna x’jagħmel. Robert Abela ilu jisħaq li biex nibqgħu relevanti man-nies irridu li dejjem naġġornaw il-politika tagħna. Bħalissa qegħdin f’dan l-istadju li nġeddu l-politika tagħna biex nibnu fuq it-tajjeb li diġa għandna filwaqt lil nbiddlu dak li m’għadux jgħodd għall-hajja ta’ llum. 

Bħalissa l-Gvern għaddej bil-konsultazzjoni ta’ qabel il-budget 2022. Il-Prim Ministru flimkien mal-Ministri kkonċernati qiegħed jiltaqa’ mal-korpi kostitwiti biex jisma’ mingħandhom l-isfidi li hemm qieddiemna llum. Fl-istess waqt il-Partit Laburista qiegħed ukoll jisma’ permezz ta’ workshops oħra biex biex fost oħrajn inġeddu; l-esperjenza edukattiva, l-arti u l-kultura, l-ugwaljanza u d-drittijiet ċivili u l-ambjent li ngħixu fih. Irridu nkunu ċerti li qegħdin inservu bl-aħjar mod possibbli sabiex nsarrfu lura l-fiduċja li tawna n-nies. In-nies afdawna għax jafu li magħna taf fejn int. In-nies jafu li magħna jistgħu jirrelataw għax jafu x’inhu t-twemmin tagħna. Sarrafna dan bil-ħidma ma’ taqta xejn u Robert Abela kellu l-akbar test politiku għax meta konna fil-maltemp sibna lilu bħala l-kaptan tagħna li ħa ħsieb lil kulħadd biex iweġġa’ l-inqas. 

Għada l-Partit Laburista jagħlaq il-kungress permezz ta’ Rally li se jsir Ta’ Qali skont il-protokolli meħtieġa. Ninsab kuntent li qegħdin nerġgħu niltagħu f’attivitajiet politiċi għax ifisser li bil-mod il-mod u b’kawtela, qegħdin nersqu lejn in-normalità. Fuq kollox ħerqan biex nisma’ d-diskors tal-Prim Ministru Robert Abela f’dan ir-rally. Nistedinkom biex issegwu dan id-diskors li għandu jimlina b’kuraġġ għaż-żmien li ġej.  

Ekonomija

Sport