Saturday, December 21, 2024

GVERN RIFORMISTA

Aqra wkoll

L-aħħar fis-sensiela ta’ riformi li qed iwettaq dan il-Gvern hija
dik fis-settur tax-xjenza u t-teknoloġija. Dan is-settur li huwa kruċjali għall-ekonomija bil-mod kif qed tiżviluppa d-dinja bl-avvanzi teknoloġiċi li qed isiru se jkun afdat lill-Aġenzija Xjenza Malta li twaqqfet dan l-aħħar.

Din se tkompli tibni fuq ix-xogħol imwettaq minn dak li kien imsejjaħ bħala l-Kulleġġ Malti għax-Xjenza u t-Teknoloġija. Ir-rwol ta’ din l-aġenzija se tkun ukoll li taħdem fuq l-aġġornamen tal-politika nazzjonali tar-riċerka u l-innovazzjoni u l-ispazju kif ukoll li tissorvelja l-implimentazzjoni talistess politika nazzjonali.

Għandna għax nifhmu li dan il-pass qed jittieħed meta l-ekonomija nazzjonali qed issir aktar diġitali u se tiddependi aktar fuq it-teknoloġija. Dan l-iżvilupp huwa rifless ukoll fl-interess dejjem jikber tal-istudenti li jieħdu karriera f’dan il-qasam.

U huwa għalhekk li din l-aġenzija ġdida se tkun qiegħda taħdem bis-sħiħ biex il-pajjiż jimmassimizza l-opportunitajiet li joffri s-settur tarriċerka u l-innovazzjoni fl-istess waqt li tkompli tgħin lil dawk li jixtiequ jidħlu f’dan is-settur.

F’dawn l-aħħar snin rajna wkoll li minbarra li żdiedu l-fondi għar-riċerka u l-innovazzjoni, twessa’ wkoll il-portafoll tal-programmi ta’ riċerka. Dan qed iwassal biex ir-riċerka f’Malta tissaħħaħ f’setturi ta’ importanza għal pajjiżna, kif ukoll f’niċeċ ekonomiċi u oqsma ġodda.

Fuq kollox, il-ħidma ta’ Xjenza Malta diġà bdejna naraw il-frott tagħha tant li fil-jiem li għaddew iffirmat tliet “Memorandun of Understanding” mal-Università ta’ Malta mal-Kamra Maltija tax-Xjenzati u mal-Aġenzija Sapport biex il-qasam tax-xjenza jkompli jiġi żviluppat, jitmexxa aktar ’il quddiem jkun aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.

B’hekk, b’kollaborazzjonijiet bħal dawn, l-Aġenzija qiegħda tkun ta’ xprun biex jiġu żviluppati proġetti konġunti li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw minnhom faxex differenti tas-soċjetà Maltija. Minnu nnifsu
dan juri wkoll l-impenn tal-Gvern favur aktar inklużjoni.

Għaldaqstant nemmnu li ttwaqqif ta’ Xjenza Malta hu pass importanti ieħor fid-direzzjoni t-tajba biex tissokta l-ħidma fuq it-tajjeb li diġà sar u dak li għad irid jitwettaq fis-setturi tar-riċerka u x-xjenza. Setturi li huma importanti u kruċjali għall-iżvilupp ta’ pajjiżna.

Ekonomija

Sport